Leon Borg ta’ 27 sena residenti Ħaż-Żebbuġ tressaq il-Qorti mixli li s-Sibt li għadda, fi Triq Kalanġ Bugeja, iż-Żurrieq, ħebb għal Kuntistabbli tal-Pulizija mara, heddidha u kkaġunalha ġrieħi ta’ natura ħafifa.
Huwa kien mixli wkoll li m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija, irrifjuta li jagħtihom id-dettalji tiegħu, li saq vettura tal-għamla Toyota mingħajr liċenzja u polza ta’ assigurazzjoni.
Akkużi oħra kontra Borg jgħidu li għall-ħabta tal-10.00 p.m. allegatament hedded lill-Ispettur James Mallia fl-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ u li sar recediv.
Il-prosekuzzjoni spjegat fil-Qorti ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest ta’ Borg. Intqal li lbieraħ, għall-ħabta tas-2.20 p.m., Kuntistabbli mara sfat mhedda u aggredita minn persuna li skontha kellu tpinġija ma’ wiċċu. Dan kollu beda għaliex kien ingħata ticket.
Intqal ukoll li Leon kien niżel l-uffiċċju tal-community policing fiż-Żurrieq u hemm kien infurmat li se jiġi arrestat.
L-Ispettur Mallia spjega li għall-ħabta tal-10.00 p.m. l-imputat ittiħdiltlu stqarrija fl-Għassa ta’ Ħaż-Żebbuġ u ġie muri filmat tal-allegata aggressjoni fuq il-kuntistabbli meta qabdilha idha bl-intenzjoni li jweġġagħha.
L-Ispettur Malli kompla jgħid li f’ħin minnhom l-imputat heddu li “meta noħrog mill-ħabs nurik x’se jiġri u ħalli fidi.” L-imputat kien informat li l-istqarrija kienet se tieqaf hemm u li se jinħarġu l-akkużi fil-konfront tiegħu.
L-imputat wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu bil-prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tal-każ li hedded żewġ uffiċjali tal-Pulizija.
Id-Difiża argumentat li r-reazzjoni tal-imputat kienet waħda spontanja ta’ persuna li aġixxa wara li xi ħadd ipprova jeħodlu ċ-ċavetta mill-karozza u dan ipprova jeħodha lura. Minn naħa tagħha, il-prosekuzzjoni qalet li l-kuntistabbli kienet tfietlu l-vettura u l-imputat allegatament qabdilha idha.
F’dan l-istadju l-qorti wara li rat l-imputazzjonijiet u l-fedina penali tal-imputat li minnha jirriżultaw akkużi bħal dawk allegati f’dan il-każ m’għandhiex dak is-serħan tal-moħħ li l-imputat huwa fi grad li jservi l-kundizzjonijiet li jistgħu jiġu imposti mill-qorti. Għaldaqstant ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.