Wednesday, July 24, 2024

ARA: “Se mmutu bil-ġuħ … Nixtiequ nieklu … Għinuna!”

Nofs il-popolazzjoni f’Gaża qiegħda tmut bil-ġuħ

Aqra wkoll

Uffiċjal anzjan tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) wissa li nofs il-popolazzjoni ta’ Gaża qiegħda tmut bil-ġuħ. 

Carl Skau, Deputat Direttur tal-Programm Dinji tal-Ikel tan-NU, qal li parti biss tal-provvisti meħtieġa qegħdin jidħlu fl-Istrixxa ta’ Gaża, b’disgħa minn kull 10 persuni ma jistgħux jieklu kuljum.

Skau qal li l-kundizzjonijiet f’Gaża qed jagħmluha kważi impossibbli biex jaslu l-kunsinni tal-ikel.

Sadanittant, l-Iżrael qiegħda tkompli l-attakki mill-ajru fuq Gaża biex telimina lill-Ħamas u teħles l-ostaġġi Iżraeljani miżmuma hemm.

Il-kelliem tal-Forzi tad-Difiża Iżraeljana, il-Kurunell Richard Hecht qal lill-BBC nhar is-Sibt li “kwalunkwe mewt u tbatija ta’ persuni ċivili hi ta’ wġigħ, iżda m’għandhomx alternattiva”.

Huwa qal li: “Qed nagħmlu dak kollu possibbli biex nidħlu kemm jista’ jkun ġewwa l-Istrixxa ta’ Gaża.” 

Herzi Halevi, Chief of Staff tal-IDF, ġie ffilmjat jgħid lis-suldati li l-armata għandha “tagħfas aktar” għax “qed naraw it-terroristi jċedu… sinjal li n-netwerk tagħhom qed tikkrolla.”

Il-moviment ġewwa u ‘l barra minn Gaża kien ristrett ħafna mis-7 ta’ Ottubru, meta l-ġellieda tal-Ħamas ħarġu mill-ilqugħ tal-perimetru mgħasses ħafna ta’ Iżrael u qatlu 1,200 ruħ u ħadu xejn inqas minn 240 persuna bħala ostaġġ.

B’reazzjoni, Iżrael għalaq il-fruntieri tiegħu ma’ Gaża u nieda attakki mill-ajru fuq it-territorju, u rrestrinġa l-kunsinni ta’ għajnuna li ċ-ċittadini ta’ Gaża kienu jiddependu ħafna fuqhom.

Il-Ministeru tas-Saħħa tal-Ħamas jgħid li l-Iżrael qatel aktar minn 17,700 ċittadini ta’ Gaża f’dik li sejħilha bħala “l-kampanja ta’ ritaljazzjoni tiegħu”, inklużi aktar minn 7,000 tifel u tifla.

Ekonomija

Sport