Monday, November 4, 2024

“Meta skoprejt li għandi nuqqas ta’ ħadid f’ġismi, l-inkwiet tiegħi kien kif stajt ngħix mingħajr attività fiżika”

Jeanette Zammit - il-persuna li se tiġri 50km b’ġest nobbli għan-neputija

Aqra wkoll

“Lanqas nimmaġina ħajti mingħajr attività fiżika … Meta ħadt l-aħbar li għandi nuqqas ta’ ħadid f’ġismi, l-ewwel qatgħa li ħadt kienet li għal ċertu żmien ma stajt nagħmel l-ebda tip ta’ eżerċizzju,” tistqarr Jeanette. Jeanette għal xi żmien beda jkollha problema ta’ nuqqas ta’ ħadid f’ġisimha u għaldaqstant bdiet tħossha dgħajfa b’konsegwenza li ma kinitx f’kundizzjoni li ttejjeb il-prestazzjoni tagħha waqt it-taħriġ fiżiku minkejja li żiedet fit-taħriġ.

F’kumment li tat lil dan is-sit hija żvelat li sfortunatament xi jiem ilu rċeviet riżultat mediku fejn ġiet mgħarrfa li tbaxxielha l-livell tal-ħadid f’ġisimha. Għaldaqstant, din il-ġimgħa kellha tidħol l-isptar biex tkun tista’ tingħata t-trattament meħtieġ sabiex tkun tista’ tibqa’ għaddejja bil-pjan tagħha li twettaq il-ġirja ta’ 50km li se ssir għada.

YouTube video

Jeanette hija mara ta’ 50 sena li tgħix Wied il-Għajn, omm ta’ żewġt itfal u nanna, u għandha għal qalbha l-isports. Minkejja li għandha ħajja mimlija daqs bajda dejjem jirnexxilha ssib bilanċ biex tlaħħaq bejn ix-xogħol full-time — impjegata fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta — issib ħin għall-familja u għax-xogħol tad-dar, kif ukoll ħin għall-eżerċizzju. Intant, hija tħeġġeġ sabiex minkejja l-ħajja mgħaġġla tal-lum, kulħadd jipprova jiddedika daqsxejn ħin kuljum għall-attività fiżika; m’hemmx għalfejn wieħed jesaġera fl-isports. Aħjar ftit minuti u jkunu ta’ kuljum, milli sigħat ta’ darba fil: “Trid issib ċans tiegħek innifsek għax ħadd mhu ħa jieħu ħsiebek jekk ma tagħmilx hekk inti … nemmen ħafna illi fil-ħajja li tagħmel kollox bil-qies hija l-iktar ħaġa importanti. Ma nemminx fid-dieti, iżda nemmen li persuna għandha ssib bilanċ bejn li tiekol ikel sustanzjuż u li hu tajjeb għas-saħħa, kif ukoll li tagħmel daqsxejn eżerċizzju b’mod regolari għaliex dawn it-tnejn imorru id f’id”.

Jeanette minn dejjem kienet midħla sew tal-isports. Meta kienet żgħira kienet tipprattika n-netball, il-volleyball, il-basketball, kif ukoll il-futbol. Però, meta kibret xtaqet tiffoka iżjed fuq l-atletika — qasam tal-isports li minn dejjem kien għal qalbha. Fl-2005, xi żmien wara li welldet wieħed miż-żewġt ulied, kellha l-pressjoni daqsxejn għolja u t-tabib irrakkomandalha biex minflok ma taqbad u tibda tieħu l-pilloli tal-pressjoni tirrikorri għall-eżerċizzju u tara jekk ikunx hemm xi kambjament. Hija bdiet tittrenja xi tliet darbiet jew erba’ darbiet fil-ġimgħa u wara ftit bdiet tara riżultat pożittiv: il-pressjoni rregolat ruħha kif ukoll tejbet il-piż. Minn hemm hija kienet kostretta li tkompla tavvanza fl-attività fiżika, tant li bdiet tipparteċipa f’kompetizzjonijiet lokali, fosthom il-maratona tal-ġiri tal-5km, 10km, in-nofs maratona u l-maratona sħiħa.

Fl-2011, Jeanette bdiet tifforma parti mit-tim tal-MIA Netball fejn kienet tokkupa l-irwol ta’ difensur. Bħala tim, hi u sħabha għamlu għaxar snin jilagħbu fit-tieni diviżjoni u kienu ħadu sehem f’tournament fi Spanja.Matul dawn l-aħħar sitt snin hija kellha l-opportunità li tieħu sehem f’numru ta’ ġirjiet barra minn xtutna, fosthom: Budapest Runway Run u Kosice Run, kif ukoll telgħet mal-MESA f’Salzburg, l-Awstrija, fejn ħadet sehem fi tlielaq tal-ġiri tal-5km u l-10km.

Għal dawn l-aħħar erba’ xhur Jeanette kienet qed tħejji ruħha għal ġirja ta’ 50km li se ssir għada, il-Ħadd. Hija spjegatilna li t-taħriġ għal din il-ġirja kien jikkonsisti f’ġiri fit-tul u eżerċizzji oħra biex jgħinuha ssaħħaħ il-muskoli, b’mod speċjali l-muskoli tas-saqajn. Oriġinarjament kienet pjanat li tagħmel din il-ġirja biex tgħin lil xi għaqda karitattiva, però xi ġimgħat ilu ħadet l-aħbar li n-neputija tagħha Ena Marie Mifsud —  żagħżugħa ta’ 15-il sena li bħalissa tinsab l-isptar għall-kura f’Londra, teħtieġ għajnuna finanzjarja biex tkun tista’ tkopri l-ispejjeż. Għaldaqstant, Jeanette ddeċidiet li tiġri l-50km biex tiġbor fondi b’risq in-neputija tagħha. Il-ġirja tibda fit-8:30 a.m. u tiġi fi tmiemha għall-ħabta tat-3:30 p.m. Għal dawk kollha li jixtiequ jagħtu kontribut finanzjarju f’din il-kawża ġusta, jistgħu jagħtu donazzjoni sal-aħħar ta’ Frar li ġej permezz ta’ din il-ħolqa: https://gogetfunding.com/run-for-ena-marie/.

YouTube video

Sport