Tuesday, December 24, 2024

Meta tibda l-politika minn fuq

Aqra wkoll

Minn Alfred Sant

L-uċuh ġodda u jekk jista’ jkun żgħażagħ huma meħtieġa fil-politika, mela le. U f’kull qasam tal-ħidma tal-bniedem.

Imma dan ifisser li (talanqas) fil-politika jkun aħjar jekk l-uċuh ġodda jibdew minn fuq nett? Tal-PN donnhom saru ta’ dil-fehma. Lesti jtellgħu fit-tmexxija min la qatt serva fil-partit u/jew lanqas fil-Parlament.

F’hekk, naraw sinjal ta’ kif il-politika mhijiex mitqiesa bħala attività serja, u dan lil hinn mill-argument popolari li n-nies tal-politika huma kollha korrotti għax qegħdin fiha biex iħaxxnu buthom.

Donnu li biex taħdem fil-qasam politiku, anzi biex tmexxih, m’għandekx għalfejn: tkun għamilt xi forma ta’ “apprentistat” – tkun familjari man-nies li jiggwidaw il-magna tal-partit fiċ-ċentru u fil-periferiji – tkun rajt mill-qrib kif partit jaġixxi fil-qafas tar-rabtiet mal-awtoritajiet statali u mas-soċjetà ċivili – tkun ipprovajt lilek innifsek f’kampanji elettorali, kbar jew żgħar. Minn dan kollu xejn għax tista’ tibda l-politika minn fuq.

Il-bixra kollha turi nuqqas sħiħ ta’ għarfien dwar x’jinvolvi x-xogħol politiku serju. L-aktar qasam li jsofri daqs il-politika minn dan-nuqqas ta’ apprezzament hu l-kitba letterarja.

***

EŻATTAMENT KIF?

Ilkoll naqblu li t-turiżmu jeħtieġlu jiġġedded fiż-żmien li ġej billi jitjieb fil-kwalità u li għandna nfittxu li nġibu lejna turisti li ma jitqisux bħala “tal-massa”. Madankollu, dawk li naħsbu hekk, inklużi l-awtoritajiet, jeħtiġilna issa f’dettall konkret infissru eżattament x’irridu u kif jista’ jiġi attwat.

Sa fejn naf jien, dil-ħaġa sa issa għadha ma saritx. Niddubita kemm għandha ssir minn xi awtorità jew konsulent wieħed, it-tnejn għal rashom biex imbagħad jiftħu fil-beraħ il-konklużjonijiet tagħhom ħalli jiġu kkritikati jew mogħtija l-prosit.

L-aħjar triq tkun dik li biha ikollhom sehem dawk kolha b’xi interess f’dal-qasam vitali tal-pajjiż li bħalissa għaddej minn diksata manja. Pass wara l-ieħor bis-sehem ta’ kulħadd, jiġu ssettjati miri raġonevoli u jitħejjew programmi ta’ ħidma li f’perspettiva medja ta’ żmien, ilaħħquna mal-miri.

***

LETTERATURA MALTIJA

Jekk nagħraf sew il-ħsus ewlenin tal-kritika li ssir tal-letteratura Maltija kontemporanja, jeżistu żewġ linji: waħda li tifli l-kitbiet bil-għodod ta’ kritika akkademika Ewropea u Amerikana tal-bieraħ u tal-lum; l-oħra li tpoġġi l-kitbiet fil-qafas storiku letterarju u soċjali tagħhom.

Iż-żewġ linji huma validi u taw apprezzamenti tal-akbar interess għal dawk li jsegwu dawn l-affarijiet. Ftit huma. Biss forsi hemm linja oħra ta’ apprezzament li tista’ tintuża wkoll: dik li x-xogħlijiet letterarji jitpoġġew fil-qafas ta’ kif żviluppaw l-ideat u l-kitbiet letterarji fl-Ewropa, bla dubju bl-akbar referenza għal-letteraturi li l-aktar kienu segwiti mill-Maltin – it-Taljana, l-Ingliża u b’xi mod ukoll il-Franċiża.

Ekonomija

Sport