Saturday, December 21, 2024

META TISPIĊĊA TEMMEN

Aqra wkoll

Mhux il-gvernijiet biss ibatu minn dil-problema; fis-settur privat tqum ukoll. Tant saru importanti r-relazzjonijiet publiċi għal ċerti korporazzjonijiet li uħud ipoġġuhom fuq quddiem nett tal-istrateġija tagħhom. Ir-riżultat xi kultant ikun li jispiċċaw jemmnu b’għajnejhom magħluqa dak li jitpoġġa fir-relazzjonijiet publiċi tagħhom.

M’hemm xejn agħar minn hekk għax imbagħad jibda jiġri li dak li mhux sejjer tajjeb fix-xenarju tal-ħidma tagħhom jisfa mwarrab jew miċħud. Fil-politika jwassal biex is-sinjali ta’ dwejjaq fost iċ-ċittadini jiġu injorati jew interpretati ħażin. Fin-negozju, prodotti u servizzi li jkunu waslu lejn it-tmiem tal-ħajja tagħhom jinżammu fis-suq jew isir l-istess għal offerti ġodda li ma jkunux qed jinżlu tajjeb max-xerrejja.

Problema tkun li l-moral u s-sens ta’ identità fi ħdan il-kumpanja nnifisha jintrabat ma’ x’qed jitħabbar bħala “pr”. Jekk dan ixellef it-ton u jammetti li hemm il-morr, jidħol ir-riskju li se tixxellef il-ħerqa u l-ħeġġa tal-impjegati fil-qadi ta’ dmirijiethom.

L-EKONOMIJA EWROPEA

Mill-Ġermanja, Franza, l-Italja u r-Renju Unit fost oħrajn, l-aħbarijiet ekonomiċi mhumiex daqstant sbieħ. L-aktar inkwetanti hi l-Ġermanja fejn bi gvern ta’ koalizzjoni li mhuwiex jaqdef tajjeb u b’elezzjonijiet bikrija probabbli, l-industrija – speċjalment tal-karozzi – qed tiffaċċja diffikultajiet kbar. Fi Franza, gvern li effettivament hu wieħed ta’ minoranza kellu jżid it-taxxi qatigħ (għalkemm fuq is-“sinjuri”, qal) biex inaqqas d-defiċit li hu fost l-akbar fl-Ewropa – waqt li s-sidien privati qed jantiċipaw problemi fis-swieq tradizzjonali tagħhom.

Il-biża’ kien qed jikber dan l-aħħar li se tfaqqa gwerra kummerċjali maċ-Ċina wara li l-Kummissjoni Ewropea daħħlet taxxi ġodda qawwija fuq l-importazzjoni ta’ karozzi elettriċi minn hemm. Forsi l-Ewropej qed ikollhom iħallsu l-ispejjeż għall-politika li donnhom kienu addottaw: dik li jridu jwettqu kollox, f’lista dejjem tespandi ta’ miri li baqgħu jaddottaw, waqt li ma kinux lesti jiddedikaw biżżejjed riżorsi għal li riedu jwettqu.

L-ISTORJA MODERNA

Inkitbu u jinkitbu numru sew ta’ studji storiċi dwar pajjiżna fi żmien il-Kavalieri ta’ San Ġwann, anqas dwar żmien l-Ingliżi. Imma l-anqas li tisma’ dwarhom huma studji li jittrattaw l-istorja moderna tal-pajjiż. Sa qabel l-Indipendenza, veru, hemm ix-xogħol tal-professur Joe Pirotta. X’ġara wara ftit ġie trattat minn perspettiva sintetika.

Jeżistu numru ta’ teżijiet li jirreferu għall-perijodu modern, u ta’ kotba li jqisu daż-żmien, imma jagħmlu hekk l-aktar minn xi aspett wieħed. Għad m’għandniex trattament wiesgħa li jkopri l-iżviluppi ekonomiċi u soċjali waqt li jorbothom ma’ dawk politiċi. Tiltaqa’ ma’ ċittadini li huma aktar familjari ma’ żmien l-Assedju l-Kbir milli x’ġara f’Malta erbgħin sena ilu.

Ekonomija

Sport