Monday, December 9, 2024

Kamala Harris tikkonċedi t-telfa fl-elezzjoni Presidenzjali

… tħeġġeġ lill-partitarji tagħha sabiex ma jaqtgħux qalbhom

Aqra wkoll

Kamala Harris formalment ikkonċediet it-telfa fl-elezzjoni presidenzjali lil Donald Trump. Madanakollu hija ħeġġet lil dawk l-Amerikani li jinsabu diżappuntati bir-riżultat sabiex “ma jiddisprawx” iżda jibqgħu impenjati u viġilanti fil-ġlieda tagħhom sabiex jipproteġu d-demokrazija Amerikana.

Fl-indirizz tagħha matul il-jum tal-Erbgħa, fost l-għajjat ta’ “Kamala” “Kamala” mill-folla miġbura f’Washington, Harris qalet li “filwaqt li nikkonċedi din l-elezzjoni, ma nċedix il-ġlieda li qanqlet din il-kampanja.”

Kamala Harris kienet ukoll ċemplet lil Trump biex tifraħlu għar-rebħa li kiseb fl-elezzjoni u wegħditu li l-amministrazzjoni-Biden se tkun qiegħda taħdem għal tranżizzjoni kalma u paċifika fit-trasferiment tal-poter.

“Fin-nazzjon tagħna, aħna nirrispettaw il-lealtà mhux lejn president jew partit, iżda lejn il-kostituzzjoni tal-Istati Uniti,” qalet Harris. Id-diskors tagħha ntlaqa’ b’ċapċip kbir minn dawk preżenti anke meta ddikjarat li se timpenja ruħha li tgħin lit-tim ta’ Trump fit-tranżizzjoni lejn il-White House.

Harris temmet tgħid li dan huwa l-mument li jorganizzaw u jibqgħu jaħdmu “f’ġieħ il-libertà u l-ġustizzja u l-futur li lkoll nafu li nistgħu nibnu flimkien.”

Ekonomija

Sport