Wednesday, April 24, 2024

METSOLA

Aqra wkoll

Bħalissa ma tantx hi popolari fuq livell Ewropej minħabba l-arranġamenti li saru minn wara l- kwinti biex Alessandro Chiocchetti  jiġi magħżul Segretarju Ġenerali tal-Parlament tal-UE bl-akbar poteri u dħul finanzjarju. Għall-Ewropej din dehret bħala xi ħaġa stramba, biss għalina l-Maltin ma tantx kienet stramba kif aġixxiet.  Ir-raġuni hi li aħna nafu kif jaħdmu n-Nazzjonalisti.  Ma tantx irridu mmorru lura ħafna għaliex nafu xi ġralu Delia.  Delia tista’ tgħid kien l-uniku mexxej mill-aħħar gwerra li ntgħażel b’mod demokratiku għaliex ma kien hemm xejn minn wara l-kwinti biex hu jieħu t-tmexxija tal-PN.  Peress li ma kienx magħżul minn wara l-kwinti, malajr tajruh.  

Dwar dawn l-affarijiet il-Parlament Ewropew ma jitkellimx fuqhom għaliex ma jissorveljawhx.  Ara fuq il-PL mhux lenti jużaw iżda mikroskopju biex ikunu jistgħu jikkritikawh, iħamġuh u jkażbru lil Malta!

L-immigranti

Von der Leyen qaltilna li l-Ewropa ser tibda tistma lill-immigranti li jersqu l-Ewropa bħal ma stmat lill-immigranti mill-Ukrajna.  Biss lanqas għaddiet ġurnata li ma daħalx dubju serju peress li l-partiti tal-lemin fl-Iżvezja, li fi tliet xhur oħra jkollha l-Presidenza tal-EU, għadhom kemm rebħu l-elezzjoni li saret riċentament.  Inkun ċar, lanqas li kieku ma ġarax hekk, xorta kien ikolli dubju serju. Dan għaliex din li ser nibdew nistmaw lill-immigranti tajjeb ilna snin nisimgħuha u xorta ma sar xejn.  Lanqas biss joħolmu li jagħtuhom kenn għaliex ċerti pajjiżi, mingħajr l-ebda kritika mill-KE, sa ħitan tal-barbed wire tellgħu. 

Dan minħabba r-razziżmu li hawn fl-Ewropa inkluż Malta.  Ir-razziżmu hu problema li dejjem qed tikber anki f’Malta.  Biss xorta ma jsir xejn.  Tajjeb li nfakkru li r-razziżmu hu prinċipju tal-partiti tal-Lemin speċjalment dawk li għandhom tendenzi faxxisti.  Infakkru wkoll li l-partiti soċjalisti, wieħed mill-prinċipji li suppost tagħhom hu l-ugwaljanza.  Issib li dawn il-partiti soċjalisti jużaw dan il-prinċipju f’ħafna oqsma minbarra fl-immigrazzjoni li ġejja mill-Afrika u l-Lvant Nofsani.  Ifisser li anki ħafna partiti soċjalisti saru wkoll razzisti!  L-istess dwar il-prinċipju tal-paċi – illum ħafna insewh għaliex aktar jintgħoġob il-prinċipju tad-dominanza minkejja li biex tinkiseb id-dominanza qed jeqred ħafna ħajjiet u jbatu ħafna oħrajn.

Trasport Pubbliku

Din is-sena ser ikollna pass mhux ħażin ‘il quddiem meta t-trasport pubbliku jiġi b’xejn.  Irridu niftakru li t-traffiku hu wieħed mill-problemi kbar.  Jekk nieħdu l-ambjent, it-traffiku hu wieħed mill-akbar sorsi li jaħli enerġija minħabba l-użu tal-fuel u wieħed mis-sorsi kbar li jħammeġ l-ambjent.  Dan barra l-fatt li l-ħmieġ fl-ambjent mhux biss iħarbat it-temp, imma jagħmel ħsara lill-bini tagħna u jagħmel ħsara wkoll lil saħħitna. L-Agenzija Ewropea tal-Ambjent (EEA) tikkalkula li madwar 400,000 ruħ kull sena jmutu qabel iż-żmien minħabba d-dħaħen tal-karozzi.  

Ser jirnexxi jew le, nikkontrollaw il-ħsara?  Il-gvern min-naħa tiegħu għamel pass kbir ‘il quddiem għaliex qed joffri is-servizz tat-trasport pubbliku b’xejn.  Ma jfissirx li sar kollox imma hu pass kbir.  

Biss l-akbar fattur biex dan il-pass jirnexxi jiddependi fuqna.  Il-problema kbira hi li aħna ċ-ċittadini, minkejja li nafu bil-ħsara li t-traffiku joħloq, xorta għadna ‘l bogħod biex innaqqsu l-ħsara kbira.  Dan għaliex il-maġġoranza tal-Maltin xorta għadhom jużaw il-karozza tagħhom biex imorru kullimkien.  Dan faċli tarah meta tħares fit-toroq għaliex kważi l-ġurnata kollha dawn ikunu mimlija karozzi.

Hemm diversi raġunijiet għal dan.  Personalment naħseb li fattur kbir minnhom hu li ħafna mill-Maltin jorbtu l-istatus soċjali tagħhom mal-karozza li jużaw.  Dan narah miż-żgħażagħ tagħna, illi minkejja li l-gvern diġa’ ipprovdielhom servizz tat-trasport pubbliku b’xejn, ikunu ħerqana biex ikollhom il-karozza tagħhom biex iżommu l-istatus tagħhom ma’ sħabhom.  Mhux faċli li nibdlu din il-kultura imma mhux impossibli.  Lanqas jilħqu jagħlqu 18 sena li jippruvaw jixtru karozza barra li hemm ħafna minnhom li ma jridux jirkbu tal-linja bl-ebda mod.

Niftakar fil-qawl li l-eżempju jkaxkar.  U dan nemmen fih.  Jekk dawk li għandhom ċertu status għoli  fil-komunita’ tagħna jibdew jużaw mezzi oħra, inkluż it-trasport pubbliku, minflok l-karozza tagħhom, nemmen li nkunu nistgħu noħorġu minnha din il-problema.  

Problema oħra hi minħabba l-ħinijiet tat-trasport pubbliku.  Ftit ta’ snin ilu bħala Għaqda tal-Konsumaturi konna għamilna riċerka kif in-nies jaraw it-trasport pubbliku.  Fattur li ffukajna fuqu kienu n-nies li ma jużawx it-trasport pubbliku biex naraw il-perspettiva tagħhom peress li dawn huma n-nies li rridu nċaqalqu.  L-akbar fattur li kien ħareġ kien li ma tistax tiddependi fuq it-trasport pubbliku speċjalment minħabba li għalihom hu impossibbli li tikkalkula fi x’ħin ser tasal il-post fejn trid tmur.

Dan il-fattur ma kienx biss importanti għal dawk li ma jużawx it-trasport pubbliku imma anki għal dawk li jużawh.

Din hi problema li ġejja minn żewġ naħat.  Waħda minnhom hi l-kumpanija.  Dan tarah meta tirkeb mill-Belt.  Jekk il-karozza tal-linja għandha titlaq fil-ħamsa, ma tasalx fuq l-istage qabel il-ħamsa.  Sakemm tgħabbi lin-nies u titlaq mhux l-ewwel darba bejn 5 u 10 minuti. Dan ifisser li l-iskeda tal-ħinijiet fir-realta’ ma teżistix. 

Dan barra ‘l fatt li meta karozza tkun ġejja minn vjaġġ tista’ ssib it-traffiku.  Iż-żgħar ma tantx jistgħu jqabblu imma l-kbar jiftakru li meta kellna s-sistema l-antika ta’ qabel l-Arriva, jekk kellha kollox ħażin, il-karozzi kienu jitilqu fil-ħin.  Dan kien għaliex il-Belt kien ikun hemm despatcher li meta jara karozza li kellha titlaq f’ħin u għadha ma waslitx, kien iqabbad karozza oħra – xi ħaġa li ma’ teżistix illum.  

Biss hemm fattur ieħor importanti.  Il-fatt hu li t-Transport Malta meta tirregola t-traffiku ma tagħtix importanza lit-trasport pubbliku.  Ma tantx trid tmur il-bogħod biex dan tarah.  Tarah il-Belt stess, meta karozza tkun ser iddur mal-Monument tal-Gwerra biex jaqbad it-triq għal barra l-Belt.  Huma l-karozzi privati li qed jingħataw prominenza u mhux l-ewwel darba f’ċerti ħinijiet tara l-karozzi tal-linja wara xulxin jistennew biex joħorġu.  

Li kieku Transport Malta tagħti prominenza lit-trasport pubbliku fit-toroq tagħna jkun hemm żewġ effetti.  Effett minnhom ikun li t-trasport pubbliku jkun jista’ jasal aktar fil-ħin.  Meta jsir dan, persuna tkun tista’ tikkalkula fi x’ħin tasal fejn trid tmur.  Dan hu importanti għall-passiġġier speċjalment meta jkun sejjer ix-xogħol.  

Effett ieħor ikun li min juża l-karozza privata jibda jinnota li jkun jaqbillu li juża t-trasport pubbliku milli juża l-karozza tiegħu għax barra l-problema tal-parking ser isib li ser jasal aktar tard.  Dan il-pass irid isir bil-mod imma jrid isir.  Jekk ma jsirx it-toroq tagħna ser jibqgħu mimlija traffiku u l-ħsara hemm ser tibqa’.

It-trasport pubbliku hu biss fattur wieħed li jista’ jgħin biex l-ambjent jitjieb. Biss hu l-fattur importanti għalkemm aktar diffiċli għaliex il-kultura tagħna ma tantx hi favur ħafna l-mezzi ta’ trasport pubbliku ġodda effiċjenti li llum jeżisti.

Sport