Sunday, May 5, 2024

“Kważi l-katavri kollha misjuba f’Izyum mietu ttorturati”

Aqra wkoll

L-awtoritajiet Ukreni bdew jikxfu katavri li sabu f’sit ta’ dfin tal-massa qrib Izyum, belt fil-Grigal tal-pajjiż li kienet okkupata mill-forzi Russi u reċentement reġgħet ittieħdet mill-Ukreni.

Il-gvernatur reġjonali Oleg Synehubov qal nhar il-Ġimgħa filgħaxija li l-maġġornaza tal-katavri misjuba fil-belt ta’ Izum fil-Lvant tal-Ukrajna “wrew sinjali ta’ mewt vjolenti”.

Il-kap tal-uffiċċju tal-prosekutur fir-reġjun ta’ Kharkiv qal li wħud mill-katavri misjuba wrew sinjali ta’ tortura. Skonthom diversi katavri nstabu b’idejhom marbuta wara daharhom jew bi ħbula m’għonqhom.

Aktar qabel il-President Ukren Volodymyr Zelensky qal li dak li nstab kien eżempju ta’ “għal xiex wasslet l-okkupazzjoni Russa”.

Waqt li kien qed jitkellem ma’ Reuters nhar il-Ġimgħa, huwa akkuża wkoll lil Moska b’tortura u delitti tal-gwerra fil-Grigal tal-Ukrajna u qabbel il-konsegwenzi fiż-żoni maqbuda mill-ġdid mal-irtirar tar-Russja minn qrib Kyiv xhur ilu.

“Mil-lum, hemm 450 persuna mejta, midfuna. Iżda hemm oħrajn, midfunin separatament minn dawn. Nies ittorturati. Familji sħaħ f’ċerti territorji”, qal il-mexxej Ukren.

Ġurnalisti li kienu fiż-żona u li ddeskrivew is-sitwazzjoni qalu li raw mijiet ta’ oqbra bi slaleb tal-injam sempliċi fost is-siġar, ħafna minnhom immarkati biss bin-numri. Qabar akbar kellu fuqu mmarkat li fih kien hemm il-katavri ta’ 17-il suldat Ukren. Investigaturi oħra kienu qed jeżaminaw is-sit għal xi splussivi moħbija li setgħu tħallew fiż-żona.

Sport