Tuesday, May 14, 2024

MFA: Clubs Maltin jirċievu benefiċċji finanzjarji

Aqra wkoll

L-istaġun 2021-22 kien it-tema tad-diskussjoni fil-laqgħa tal-Bord Eżekuttiv tal-Malta FA, li saret fis-sala tal-konferenzi tas-Centenary Sta­dium. 

Fl-ogħla diviżjoni, kważi €50,000 se jitħallsu lill-clubs bi Floriana FC u Valletta FC jkunu fuq quddiem b’35 u 32 dehra minn players homegrown ta’ taħt il-21 sena rispettivament fil-Kampjonat BOV Premier 2021-22. 

Il-clubs fil-BOV Challenge League se jirċievu aktar minn €30,000 bejniethom b’San Ġwann fil-quċċata tal-klassifika b’total ta’ 74 dehra minn players ta’ taħt id-19-il sena segwiti minn Pietà Hotspurs b’65.

Fil-BOV National Amateur League, Qormi u Santa Venera Lightnings kienu l-aktar clubs li utilizzaw players ta’ taħt id-19-il sena b’65 u 42 dehra rispettivament filwaqt li l-ammont totali li għandu jitħallas bħala kumpens għal din id-diviżjoni se jkun ukoll ta’ aktar minn €30,000. Is-somma globali li trid titħallas lill-clubs domestiċi fit-tliet diviżjonijiet għall-istaġun 2021-22 hija ta’ €111,000.

Introdott fl-istaġun 2018-19, id-Development Pot huwa mmirat biex jippromwovi t-talent home-grown billi jħeġġeġ lill-clubs biex jakkomodaw aktar ħin ta’ logħob lill-players żgħażagħ. Din l-iskema ta’ żvilupp se tkompli tissaħħaħ mill-istaġun 2023-24 meta se ssir obbligatorja għall-clubs fl-ogħla diviżjonijiet tal-kampjonat nazzjonali li jutilizzaw players żgħażagħ homegrown fl-ewwel 11 tagħhom.

KOMPETIZZJONIJIET DOMESTIĊI

Fil-bidu tal-laqgħa, il-president tal-Malta FA, Bjorn Vassallo, feraħ lil Hibernians, champions tal-Kampjonat BOV Premier 2021-22, lil Floriana, rebbieħa tal-IZIBET FA Trophy,  lil Birkirkara, champions tal-BOV Women’s League, u lir-rebbieħa u timijiet promossi fil-kategoriji tal-kbar, kompetizzjonijiet tan-nisa, kompetizzjonijiet tal-youths, kompetizzjonijiet tal-youths organizzati għall-ewwel darba mill-Fondazzjoni Inħobb il-Futbol, u l-kompetizzjonijiet tal-futsal, orga­nizzati mill-Futsal Malta Association.

F’kumment dwar il-kompetizzjonijiet domestiċi 2021-22, is-Sur Vassallo qal: “F’nota pożittiva, din hija l-ewwel darba mill-2019 li stajna nikkonkludu l-kompetizzjonijiet domestiċi kif ippjanat peress li ż-żewġ staġuni preċedenti ġew imfixkla mill-pandemija tal-COVID-19 u r-res­trizzjonijiet marbuta magħha.”

“Ninsab kuntent li, b’mod kollettiv u għas- sodifazzjon tal-partitarji, irnexxielna nġibu ż-żewġ kompetizzjonijiet ewlenin tal-kbar għall-konklużjoni tagħhom b’suċċess bl-avve­nimenti f’Tony Bezzina Stadium, meta Hiber­nians ġew inkurunati champions, u l-finali tal-FA Trophy li ntlagħbet nhar il-Ħadd li għadda fl-Istadium Nazzjonali.”

Għall-istaġun 2022-23, il-Kampjonat BOV Premier se jerġa’ lura għal total ta’ 14-il team parteċipanti, il-BOV Challenge League se jkun magħmul minn 18-il team u n-National Amateur League se jkun ikkontestat minn 21 team. Id-dati fil-mira tal-bidu tal-kampjonati 2022-23 huma kif ġej:

– Kampjonat BOV Premier – 20 ta’ Awwissu, 2022

– BOV Challenge League u National Amateur League – 27 ta’ Awwissu, 2022

– Women’s League – 13-14 ta’ Settembru, 2022

– National Youth League – 29 ta’ Awwissu, 2022

– Kampjonat tan-Nisa ta’ taħt il-21 sena – 17 ta’ Settembru, 2022

SUQ INTERNAZZJONALI TA’ ĠUNJU

Fuq livell internazzjonali, it-team nazzjona­li tal-kbar bħalissa qed iħejji għall-impenji tagħ­hom f’Ġunju.

Il-Bord Eżekuttiv ġie infurmat li Malta se tkun qed tagħti bidu għall-iskeda tagħhom ta’ Ġunju b’logħba ta’ ħbiberija f’darhom fl-1 ta’ Ġunju.

Il-president tal-Malta FA spjega li l-avversarji potenzjali għal-logħbiet ta’ ħbiberija huma li­mitati ħafna minħabba li l-biċċa l-kbira tan-nazzjonijiet l-oħra se jkunu nvoluti f’partiti kompetittivi fil-ġurnata tal-ftuħ tas-suq internazzjonali ta’ Ġunju filwaqt li Malta għandha żewġ slots ‘liberi’ minħabba li ġiet imtella’ fi grupp ta’ tliet timijiet flok erbgħa fil-UEFA Nations League. L-avversarji se jkunu qed jitħabbru dalwaqt.

Il-partita ta’ ħbiberija hija parti mill-preparamenti ta’ Malta, immexxija mill-Coach Devis Mangia, għall-partiti tal-ftuħ tal-UEFA Nations League Group D2 – barra minn darna kontra San Marino fil-5 ta’ Ġunju segwit minn konfronti f’darna kontra l-Estonja (9 ta’ Ġunju) u San Marino (12 ta’ Ġunju).

KWISTJONIJIET AMMINISTRATTIVI

Is-Sur Vassallo spjega dwar il-kandidatura tal-president tal-FIFA, Gianni Infantino, għall-elezzjoni presidenzjali tal-2023 u ppropona li l-Malta FA għandha tapprova l-kandidatura tal-istess Infantino għall-elezzjoni mill-ġdid.

Fid-dawl ta’ dan, il-Bord Eżekuttiv tal-Malta FA unanimament qabel li jappoġġa uffiċjalment il-kandidatura ta’ Infantino biex jibqa’ fit-tmun tal-FIFA.

Fuq livell amministrattiv, l-Assemblea Ġene­rali li jmiss tal-Malta FA se ssir fil-15 ta’ Lulju, 2022. Iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tal-premjijiet tal-Malta FA (MFA Awards Night) se ssir fl-istess jum, immedjatament wara li tintemm l-Assemblea Ġenerali.

Sport