Saturday, December 14, 2024

“M’għandniex tfal imma żammejna l-wegħda ta’ fuq l-artal għal kważi 70 sena”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għada se nkunu qegħdin niċċelebraw jum il-maħbubin u fit-toroq se nkunu qegħdin naraw ħafna persuni jieqfu biex jixtru fjura lill-maħbubin tagħhom. Minkejja dan, bosta oħrajn ma jemmnux f’dan il-jum u jsostnu li għalihom dan huwa jum bħall-oħrajn għax l-imħabba u r-rispett lejn xulxin f’relazzjoni jeħtieġ li nesprimuha kuljum. F’din l-okkażjoni, Talk.mt żaret koppja anzjana li qegħdin igawdu lil xulxin f’kamra li jaqsmu fir-residenza Dar il-Mistrieħ fil-Furjana. 

Iltqajna ma’ Leslie u Ċettina Cauchi ta’ 90 u 89 sena li f’April li ġej se jkunu qegħdin jiċċelebraw id-69 sena ta’ żwieġ. Kellimnihom dwar il-paragun bejn qabel u llum. Leslie beda biex jgħidilna li hu jista’ jqabbel faċilment bejn il-ġenerazzjonijiet għax hu għex f’dak iż-żmien u għadu qiegħed josserva s-soċjetà moderna. Qalilna li għalkemm forsi llum ssib żgħażagħ li jgħidulek li qiegħed teżaġera meta tagħmel ċertu paragun, il-verità hi li huma ma jistgħux jifhmu l-kuntentizza li kien hawn qabel minkejja tbatijiet akbar. Qalilna li huma saħansitra jiftakru l-gwerra, ma setgħux joħorġu fil-libertà bħalma jiġri llum u jekk titħalla toħroġ, anke biex tinnamra kien hemm ċertu skumdità. Bid-daħka fuq wiċċha Ċettina qalitilna li tiftakar li omm Leslie kienet qaltlu li biex joħroġ kellu jieħu lil oħtu magħhom u li ta’ żagħżugħ li kien dendel il-geddum u rrifjuta. L-imħabba li baqgħet titkattar tmur lura deċenji ta’ snin u minkejja li kienu ġirien minn età żgħira, meta kienet tifla, Ċettina kienet toqgħod il-Belt. Rigward l-ewwel ħruġ tagħhom u kif iltaqgħu, il-koppja qalulna li qabel ma kinitx faċli bħal-lum. Illum bil-Facebook malajr tibat xi messaġġ u tara xi tkun ir-reazzjoni tal-persuna li jkollok

grazzja magħha. Dak iż-żmien kienu jidħlu l-ġenituri u l-ommijiet jitkellmu, jissuġerixxu lil uliedhom dwar xulxin u s-sitwazzjonijiet kienu jvarjaw. Kellek koppji li kienu jsibu xkiel biex jibdew jiltaqgħu u oħrajn li jingħataw il-barka bla problemi ta’ xejn. Leslie u Ċettina kienu ngħataw il-barka u wara biss sena u nofs jiltaqgħu kienu ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ.

Dak iż-żmien kien żmien iebes minħabba x-xogħol, qalilna Leslie filwaqt li kompla biex jgħidilna li minkejja li kien beda bħala suldat kienu ħadu d-deċiżjoni li jemigraw lejn il-Kanada xi snin wara. Mistoqsijin dwar l-aktar ġurnata li jiftakru f’din ir-relazzjoni tagħhom, Leslie qalilna li hu jemmen li dak li hu minn Alla ma jħassru ħadd.

“Kien hemm ġurnata partikolari li kieku ma ħadtx ċertu deċiżjoni kienu mhux qegħdin hawn nagħmlu din l-intervista biex niċċelebraw tant snin ta’ mħabba. Kien għad ilna biss ftit snin miżżewġin u wara xi żmien il-Kanada, konna ħadna d-deċiżjoni li niġu lura u nerġgħu nibdew ngħixu hawn. Kont mort l-aġenzija naqta’ l-passaġġ u offrewli nagħżel bejn żewġ vjaġġi, wieħed f’April u ieħor f’Lulju. Kont ibbukjajt f’Lulju, iżda ftit sigħat wara tkellimt mal-mara u ddeċidejna li niġu qabel anke biex inkunu nistgħu ngawdu l-festa. Ftit tal-ġimgħat wara konna Malta u smajna dwar x’kien ġara”. 

Il-passaġġ li kien ħassar Leslie dak iż-żmien kien vjaġġ fuq l-bastiment Andrea Doria. Dan il-vjaġġ kien inbidel fi traġedja. Fil-25 ta’ Lulju 1956, l-Andrea Doria kien ħabat ma’ bastiment ieħor tal-merkanzija u fl-inċident kienu mietu 46 persuna minn fost l-1706 passiġġieri abbord. 

Staqsejnihom dwar is-sigriet tagħhom għal tant snin flimkien. Qalulna li llum il-ħajja nbidlet ħafna u li sfortunatament illum il-koppji jiffukaw iżjed fuq il-ġid materjali, l-aqwa tieġ, biex imbagħad kif iħossu xi daqsxejn ta’ sikkatura jispiċċaw iħallu lil xulxin. Ir-raġel kompla biex jgħidilna “Aħna l-bambin ma provdilniex tfal imma qatt ma żammejna għal xulxin. Is-sigriet huwa l-lealtà. L-argumenti ma jonqsux li jinqalaw, iżda trid tagħlaq għajnejk. Jiena bħall-Ingliżi, jekk ikollna argument nara kif immewtu u jekk nistgħu nieħdu flixkun birra wara. Hawn koppji li jistennew lil xulxin jaqbdu l-argumenti biex isibu skuża biex jinħallu miż-żwieġ”, kompla jgħidilna Leslie.

“Il-Lealtà importanti imma Mingħajr paċenzja naħseb lanqas ħames snin ma kont nagħmel”

Leslie Cauchi

Ċettina spjegatilna iżjed dwar il-fatt li ma kellhomx ulied. Qalitilna li kienu ħadu pariri mingħand speċjalisti barranin u li minn testijiet li għamlu rriżulta li kollox kien sew. Ta’ 45 sena, waqt li kienet qiegħda tagħmel il-kartolina tal-anniversarju kienet ħarġet tqila. Sfortunatament, it-tarbija ma kienx irnexxielhom isalvawha, iżda dan l-episodju ma waqqafhomx milli jkomplu jħobbu lil xulxin bl-istess wegħda li kienu ħadu fuq l-artal tant snin qabel.

Tkellimna dwar ir-rispett u s-sagrifiċċji għal xulxin. Qalulna li huma kienu jgħixu f’darhom sa xi ġimgħat ilu, iżda issa li kibru kellhom jieħdu din id-deċiżjoni fl-interess tat-tnejn li huma. Ċettina żviluppat problemi ta’ mobbiltà u minkejja li t-tfal ta’ ħuthom iħobbuhom daqslikieku wliedhom, ma ridux jerfgħuhom b’responsabbiltà. Kif ġejna biex inħalluhom, filwaqt li Leslie reġa’ ċċajta magħna dwar il-paċenzja u qalilna li mingħajr paċenzja lanqas ħames snin ma kien jagħmel, Ċettina bla ma tagħtu ċans daret fuqu u fajritlu bewsa ta’ konferma għal dak li qalulna.

Ekonomija

Sport