Sunday, November 3, 2024

“M’għandux ikun hawn allarm żejjed”

It-Tabib Malcolm Paul Agius Galea jispjega dwar il-marda tal-monkeypox

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem komplew jiżdiedu r-rapporti u informazzjoni oħra b’rabta mal-kundizzjoni tal-monkeypox. B’reazzjoni għal din l-informazzjoni, xi drabi anke ta’ allarm, tkellem ukoll it-Tabib u Deputat Laburista Malcolm Paul Agius Galea.

It-Tabib Malti qal li l-ewwel u qabel kollox m’għandux ikun hawn allarm żejjed dwar din il-marda. Agius Galea spjega li l-monkeypox hija marda kkawżata minn virus li ġej minn l-istess familja tal-virus ta’ smallpox, marda li ġiet eradikata permezz ta’ vaċċin.

Huwa spjega li din il-marda ilha li ġiet skoperta mal-50 sena u li minkejja l-isem tagħha, m’għandha x’taqsam xejn max-xadini. Ingħatat dak l-isem għax kienet innutata l-ewwel darba fi grupp ta’ xadini.

Kompla biex jispjega li din il-marda tista’ tkun ilha fuq l-individwu sa 14-il ġurnata qabel jibdew ifeġġu s-sintomi. Matul dan il-perjodu l-individwu ma jkunx infettiv u b’hekk ma jitrasmettix il-virus lil ħaddieħor.

Fost sintomi oħra, il-monkeypox tikkawża għeja, deni, glandoli minfuħin, segwiti minn raxx li jiżviluppa boċċi imdaqqsin mimlijin b’likwidu. Hawnhekk il-marda tkun infettiva sakemm tifforma l-aħħar qoxra fuq l-aħħar ponta. Hija tittieħed permezz ta’ kuntatt dirett mal-persuna infettata jew kuntatt indirett bħal kuntatt ma’ likwidi li ġejjin minn persuna infettata (anke xugamani jew lożor li ġew kuntatt mal-persuna infettata). Il-marda ddum biex tfieq kompletament bejn ġimagħtejn u tliet ġimgħat u skont l-ewwel studji jidher li ma tħallix impatt fit-tul fuq il-ġisem.

Agius Galea ħeġġeġ lil min ikollu suspett ta’ sintomi ta’ din il-marda biex ifittex konferma medika filwaqt li jżomm id-distanza minn persuni oħra sabiex inaqqas il-firxa tagħha.

Sport