Tuesday, April 30, 2024

Ix-xogħol fil-proġett ta’ biswit l-ajruport mistenni jitlesta sa Marzu tas-sena d-dieħla

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-ewwel korsiji tal-proġett tal-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Intersezzjoni tal-Ajruport (KTAIP), b’konnessjoni aħjar minn Ħal Far lejn ir-roundabout tal-ajruport, se jinfetħu fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif kien oriġinarjament ippjanat li dawn jiftħu fl-ewwel nofs tas-sena. Fl-istess waqt, ix-xogħlijiet kollha fuq dan il-proġett mistennija jkunu lesti fl-ewwel kwart tas-sena 2023. 

Kien il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia li ta dawn id-dettalji meta kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari li saritlu mid-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Ministru Farrugia qal li dan il-proġett se joffri konnessjonijiet eħfef u siguri lejn Ħal Luqa, il-Gudja, Birżebbuġa, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, iż-Żurrieq u Ħal Safi kif ukoll inħawi oħra fil-viċinanzi. 

Il-proġett jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tar-roundabout tal-Gudja u flyover li se tgħaddi minn fuqha, kif ukoll faċilitajiet ġodda għal mezzi alternattivi tal-ivvjaġġar. Fl-istess waqt, se jtejjeb ukoll l-aċċess lejn l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta u l-Port Ħieles. 

Il-mina ġdida se toħloq konnessjoni diretta u aktar sigura bejn il-karreġġjati tan-nofsinhar u tat-tramuntana ta’ Vjal l-Avjazzjoni u dawk ta’ Ħal Far. Fuq il-mina, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ir-roundabout eżistenti u l-korsiji tal-bypass b’disinn imtejjeb biex tiffaċilita l-aċċess minn u lejn il-Gudja, Ħal Għaxaq u l-Ajruport. 

Il-KTAIP u l-proġett tal-junction ta’ Ħal Luqa li qed jinbena biswitu u jinkludi wkoll il-bini ta’ flyover oħra, huma l-akbar żewġ proġett li Infrastructure Malta qed taħdem fuqhom din is-sena fit-toroq arterjali. Il-flyovers taż-żewġ proġetti huma ppjanati li jibdew jintużaw qabel l-aħħar ta’ din is-sena.

L-istruttruri tal-azzar li se jiffurmaw il-gvieret taż-żewġ flyovers qed jinħadmu f’fabbrika f’Sevilja, Spanja, u l-ewwel partijiet minnhom mistennija jibdew il-vjaġġ tagħhom lejn Malta fil-ġimgħat li ġejjin. 

Fuq is-siti tal-proġetti, il-kuntratturi tal-aġenzija diġà bnew il-kolonni tal-konkos li se jserrħu fuqhom il-flyovers kif ukoll ir-rampi li jwasslu għalihom. Il-flyover ta’ ħdejn l-ajruport se tkun twila 400 metru u se toffri korsija diretta minn Ħal Luqa lejn il-mini ta’ Ħal Kirkop. 

Il-gverta ta’ din il-flyover se tkun magħmula minn 7 biċċiet tal-azzar li jiżnu 300 tunnellata. Sadanittant, miexi ġmielu wkoll it-tħaffir u l-bini tal-mina tar-roundabout tal-ajruport. Fil-ġimgħat li għaddew il-ħaddiema bdew isaqqfu l-ewwel biċċiet minnha.

Flimkien, il-KTAIP u l-proġett tal-junction ta’ Ħal Luqa se jnaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar sa 74% f’kull direzzjoni tul din ir-rotta.

Sport