Tuesday, May 14, 2024

€500,000 għall-għaqdiet tal-festi biex tittaffa l-isfida finanzjarja

Dawk il-festi li diġà saru se jkunu jistgħu jibbenefikaw xorta waħda

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-festi huma parti mit-tradizzjonijiet importanti ħafna ta’ pajjiżna”. Sostna dan Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici hekk kif aktar kmieni  flimkien mal-Kunsill għall-Arti nedew skema ta’ għajnuna speċjali għall-għaqdiet li jippromwovu tradizzjonijiet lokali relatati mal-festa Maltija.

Il-Ministru qal li din l-iskema hija t-tkomplija tad-deċiżjoni tal-gvern li fi żmien iebes tal-pandemija, għażel li jgħin lis-settur kulturali. Bonnici ħabbar li din l-iskema se tkun qiegħda talloka €500,000 bil-għan li tgħin u tassisti l-aspett bandistiku, tal-armar u tal-piroteknika.

Il-Ministru tkellem dwar numru ta’ sfidi li qegħdin jaffaċċjaw l-għaqdiet, u jekk xi għaqdiet li jaqdu iżjed minn aspett wieħed, dik l-għaqda se tkun qiegħda tingħata l-għajnuna skont il-funzjoni tagħha.

Il-gvern se jkun qiegħed jagħti għajnuna ta’ €2,000 f’kull wieħed minn dawn l-aspetti msemmijin biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż li qed jaffaċċjaw l-għaqdiet f’pajjiżna. Għalkemm dan il-fond tnieda llum, bl-applikazzjonijiet jibdew jintlaqgħu minn din il-ġimgħa stess, għaqdiet, li l-festi tagħhom saru aktar kmieni din is-sena, se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema biex ikunu jistgħu jtejbu x-xogħol tagħhom fiż-żmien li ġej.

Il-Ministru qal li l-gvern huwa konxju u sensittiv għall-kummenti ta’ dawn l-għaqdiet li ressqu l-weġgħat tagħhom wara li spiċċaw bi problemi finanzjarji anke minħabba li dawn jaħdmu fuq bażi volontarja.

“Aħna qegħdin hemm biex ninvestu f’dan is-settur, u se nkunu qegħdin inkunu ta’ spalla biex dawn il-festi li jagħmlu tant differenza fil-ħajja ta’ pajjiżna, jkunu jistgħu jkomplu jimxu ’l quddiem”, temm il-Ministru Bonnici.

Sport