Monday, November 4, 2024

“M’għandux jinħareġ preavviż qabel spezzjonijiet fuq każi ta’ moħqrija”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Min-naħa tagħha l-Kelliema għall-Ambjent, Ħolqien ta’ Spazji ġodda u Drittijiet tal-annimali f’isem l-Oppożizzjoni Janice Chetcuti waqt id-diskors tagħha fil-parlament saħqet dwar il-bżonn li jiġu regolarizzati dawk li jgħammru l-annimali. Sostniet li t-terminu ta’ ‘breeder’ m’għandux jieqaf ma’ dawk li jgħammru l-klieb għax illum qed jitgħammru diversi annimali. 

Chetcuti qalet li wasal iż-żmien biex jiġu indirizzati b’serjetà dawk il-każi tal-annimali li jispiċċaw sigħat twal fi spazju ristrett anke jekk stess dan għandu ikel, xorb u post fejn jistkenn. Żiedet tgħid li kelb jibki u jingħi kontinwament jikkonferma l-iskumdità tiegħu.

Filwaqt li rrikonoxxiet n-numru ta’ emendi proposti, il-kelliema tal-Oppożizzjoni saħqet li l-uffiċjali tal-infurzar għandhom ikollhom kriterji aktar speċifiċi fosthom li jassiguraw li l-annimali ma jkunux mbeżżgħin u stressjati.

Chetcuti sostniet li m’għandu jinħareġ l-ebda preavviż meta tkun se ssir xi spezzjoni fuq każi ta’ moħqrija. Hija qalet li nies imħarrġa għandhom jintervjenu bil-kelma t-tajba biex anke jedukaw każi fejn min jaħqar l-annimali għas-sempliċi raġuni ta’ “injoranza” fis-suġġett, dawk li ma juru l-ebda sinjal ta’ titjieb fl-imġiba tagħhom għandhom jiġu sanzjonati kif jixraq.

Rigward it-terminu torbot, Chetcuti qalet li għajr għal meta l-annimal jittieħed fil-pubbliku, l-ebda annimal m’għandu jitħalla marbut biex joqgħod għassa ma’ xi żona, dar jew għalqa fost postijiet oħra.

Sport