Sunday, November 24, 2024

“M’għandux jintefa’ kulħadd fl-istess keffa”

Il-General Workers’ Union dwar kumment fuq il-ħaddiema taċ-ċivil

Aqra wkoll

B’referenza għall-kummenti tal-Prim Ministru Dr. Robert Abela dwar il-ħaddiema taċ-ċivil, il-GWU tistqarr li ma jkunx ġust jekk kulħadd jintefa’ fl-istess keffa. 

Is-servizz tal-ħaddiema taċ-ċivil lejn il-poplu huwa leġittimu u m’għandux jiġi interpretat bħala cushy job. Huwa f’idejn min iħaddem li jara li jkun hemm reklutaġġ skont il-ħtieġa, li x-xogħol ikun imqassam sew u li tinżamm dixxiplina.

Il-GWU tisħaq li hemm numru kbir ta’ ħaddiema li kienu u għadhom jagħtu s-servizz tagħhom bi sħiħ kif inhu mistenni minnhom, u f’għadd ta’ każi anke aktar. Tali kritika setgħet ħolqot dispjaċir fost il-ħaddiema bieżla u dedikati u li m’humiex ftit.

Il-maġġoranza tal-ħaddiema taċ-ċivil jagħmlu aktar mid-doveri tagħhom u jagħtu servizz ta’ eċċellenza u tal-ogħla livell, għalhekk ikun għaqli li wieħed jara sew fejn hemm il-problemi u min qed jonqos minn dmiru lejn il-ħtiġijiet taċ-ċittadini.

Il-GWU tisħaq li b’kuraġġ għandhom jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet kollha li jindikaw abbuż jew negliġenza u li anke jittieħdu l-passi skont il-ħtieġa. Biss hu fid-dmir u d-dover tagħha li tiddefendi b’kull mezz lil dawk il-ħaddiema dedikati u responsabbli li seta’ ntefa’ dell ikrah fuqhom.

Sport