Saturday, November 16, 2024

“Mhuwiex aċċettabbli li għad baqa’ l-faqar estrem u l-ġuħ fid-dinja tal-lum” 

Id-Deputat Prim Ministru jindirizza s-Summit għall-Ġejjieni waqt id-79 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda

Aqra wkoll

“Mhuwiex aċċettabbli li għad baqa’ l-faqar estrem u l-ġuħ fid-dinja tal-lum. Fil-Patt għall-Ġejjieni li adottajna f’dan is-Summit, qed inġeddu l-impenn tagħna biex neliminawhom.”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin, Ewropej u l-Kummerċ Ian Borg appella għal azzjonijiet globali immedjati għal futur aktar sostenibbli waqt id-diskors tiegħu fis-sessjoni plenarja tas-Summit għall-Ġejjieni t-Tnejn waranofsinhar—wieħed mill-avvenimenti għoljin l-aktar mistennija fid-79 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda (UNGA), li qed issir fi New York din il-ġimgħa.

Wara sensiela ta’ djalogi interattivi, is-Summit għall-Ġejjieni laħaq il-qofol tiegħu b’dikjarazzjonijiet mill-mexxejja tal-pajjiżi u bl-adozzjoni tal-Patt għall-Ġejjieni. Dan il-Patt huwa dikjarazzjoni bbażata fuq azzjonijiet tanġibbli, li tafferma l-azzjonijiet multilaterali meħtieġa għall-iżvilupp sostenibbli, il-paċi u s-sigurtà internazzjonali, l-innovazzjoni xjentifika, il-kooperazzjoni diġitali u l-involviment taż-żgħażagħ. 

Fid-diskors tiegħu, id-Deputat Prim Ministru Ian Borg enfasizza l-ħtieġa għal azzjonijiet immedjati u komprensivi biex jintlaħqu aktar malajr l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tal-2030 u n-newtralità fil-klima sal-2050. “Biex noħolqu futur aħjar, irridu nieħdu azzjoni, hawn u issa,” huwa stqarr. 

Qal ukoll li Malta tappoġġja s-sejħa tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Maqgħuda, li issa hija riflessa fil-Patt, għal enfasi akbar fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti bħala prekursur għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali. “Il-parteċipazzjoni tan-nisa u ż-żgħażagħ fil-proċessi ta’ paċi hija wkoll kruċjali biex nevitaw u nsolvu l-kunflitt, u biex nibnu u nsostnu l-paċi.”

“Qed nenfasizzaw ukoll l-importanza li ninvestu fiż-żgħażagħ, billi nagħtuhom biżżejjed opportunitajiet u edukazzjoni ta’ kwalità biex jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom, nixprunawhom u niżguraw is-sehem tagħhom. Huma l-innovattivi, l-intraprendenti, il-ħalliema u l-ħallieqa li jiffurmaw din id-dinja,” huwa żied jgħid.

Il-Ministru Ian Borg tkellem ukoll dwar l-enfasi tal-Patt fuq it-tfal, u saħaq dwar il-ħtieġa li dawn jiġu mħarsa mill-kunflitti armati u l-vjolenza, u li jkun hemm investiment fl-edukazzjoni tagħhom.

Nhar il-Ħadd, waqt wieħed mid-djalogi interattivi li saru fil-bidu tas-Summit, id-Deputat Prim Ministru saħaq fuq ir-rabta importanti bejn il-paċi globali u l-kriżi klimatika. Huwa appella lill-pajjiżi biex jieħdu passi immedjati biex inaqqsu l-emissjonijiet u jaqilbu għal enerġija rinnovabbli, filwaqt li jipproteġu lill-komunitajiet vulnerabbli, partikolarment l-Istati Gżejjer Żgħar li Qed Jiżviluppaw (SIDS), li qed jaffaċċjaw theddid eżistenzjali minħabba ż-żieda fil-livell tal-baħar.

Ħa sehem ukoll fil-65 Sessjoni tal-Grupp ta’ Azzjoni Ministerjali tal-Commonwealth (CMAG), fil-Laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Commonwealth (CFAM), u kellu laqgħat bilaterali mal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tal-Antigua u Barbuda, l-Albanija, l-Armenja, il-Bosnja u Ħerzegovina, Cabo Verde u l-Użbekistan.

Ekonomija

Sport