Sunday, January 12, 2025

Mhux aktar fid-dell- Jikteb Godfrey Baldacchino, l-Professur tas-Soċjoloġija fl-Università ta’ Malta

Aqra wkoll

Għal ħafna snin fid-dell ta’ missieru (illum President Emeritu) Dr George Abela, u ta’ appoġġ għal Joseph Muscat, Robert Abela jagħlaq ħames snin Prim Ministru – u seba’ snin fil-Parlament – wara li asserixxa ruħu u saħħaħ postu bħala Kap tal-Partit Laburista fil-Gvern. L-avversarju tiegħu għal leadership tal-Partit fl-2020 kien xejn anqas minn Chris Fearne, id-deputat Prim Ministru u l-perit tar-rebħa fuq l-imxija Covid-19.

Madankollu, Dr Abela rebaħ l-isfida bħala l-kandidat li kien lest joffri aktar kontinwità u stabbiltà wara s-snin ta’ Muscat.  B’hekk, Dr Robert Abela irnexxielu jagħmel dak li missieru George ma’ rnexxielux, meta dan ikkontesta (u tilef) l-elezzjoni nterna għall-ħatra ta’ mexxej tal-Partit Laburista (kontra Joseph Muscat) fl-2008. Imbagħad, wara r-rebħa elettorali ta’ l-2022, kompla rriforma l-Kabinett sabiex jasserixxi t-tmexxija tiegħu u joħloq profil ta’ ministri li kienu aktar lejali lejh.

Iżda l-kontinwità mhux kollox. Illum naqblu li mhux kollox għandu jiġi ssagrifikat fuq l-altar tat-tkabbir ekonomiku. Dr Robert Abela jaf li jridu jiġu affrontati u indirizzati sfidi serji, imma anki opportunitajiet.

Nelenka dawn: pjan strateġiku u viżjonarju għas-sena 2050; tħejjija għal-effetti tal-bidla fil-klima; investiment f’forom oħra ta’ konnettività u trasport, kemm fuq l-art, taħt l-art u fuq il-baħar; indukrar aħjar ta’ ġenituri Maltin u appoġġ bis-serjetà għat-tkattir ta’ l-ulied; tħeġġiġ ta’ ekonomija li tittrasforma ruħha fuq bażi ta’ sostenibbiltà kompetittiva; pjan sensibbli dwar l-użu ta’ ħaddiema barranin; u rispett akbar lejn l-ambjent naturali, l-wirt urban u l-kwalità tal-ħajja. 

U, waqt li għaddej dan kollu, tinżamm għassa stretta u politika ta’ ‘toleranza zero’ fuq l-abbuż tal-poter u l-korruzzjoni. Bħala l-Kap tal-Gvern, kif ser inwieġeb il-Prim Ministru Abela għal dawn ser jiddetermina il-ġejjieni ta’ pajjiżna. 

Sadanittant, l-elezzjoni ġenerali li jmiss trid isseħħ sa l-2027. Għal Robert Abela, din hija opportunità għar-raba’ rebħa elettorali konsekuttiva għal-Partit Laburista. Din xi ħaġa li qatt ma ġrat f’pajjiżna. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport