Friday, April 19, 2024

“Mhux għalija imma għaċ-ċkejknin fil-bżonn… din id-darba niġbru l-eluf”

Fi ħmistax Żaren diġà ġabar aktar minn €1,000 għal dawk fil-bżonn

Maria Azzopardi
Maria Azzopardi
Ġurnalista

Aqra wkoll

Wara li fl-aħħar maratona ta’ Puttinu rajnih jippreżenta s-somma sabiħa ta’ €1183.37, flus li kien ġabar matul l-elezzjoni ġenerali, il-kandidat politiku tal-partit tal-Ajkla Nazzareno Bonnici, jew kif bosta jafuh bħala Żaren, baqa’ bil-ħsieb li jibqa’ jgħin lil dawk it-tfal u persuni li jiġu bżonn Puttinu.

Żaren tkellem ma’ Talk.mt dwar l-inizjattiva mill-isbaħ li qed jagħmel bil-għan li jiġbor aktar flus lil dawk it-tfal li tassew għandhom bżonn, inizjattiva li tassew diġà qed tħalli l-frott tagħha hekk kif fi ħmistax irnexxielu jiġbor ftit aktar minn €1,000.

“Qed nitlob €1 kull min jiġbed ritratt miegħi biex ngħin lit-tfal li għandhom bżonn.. diġà ġbartilhom ftit aktar minn €1,000 minn ħmistax ‘l hawn. Sal-bieraħ kienu €1,060. Anke l-festini li nagħmel, li nagħmel għalihom għax jien m’għandix bżonn flus. It-tfal tiegħi qegħdin sewwa, imbierek il-Bambin, imma t-tfal ta’ ħaddiehor nixtieq ngħinhom bħat-tfal tiegħi u ta’ ħaddiehor.”

“Il-flus inwarrabhom u xħin tasal il-maratona ta’ Puttinu lest li mmur nagħtihom il-flus… bil-qalb se mmur għax lil dawk in-nies nippretendi li għandi bżonn ngħinhom. Kellu bżonn il-partiti jagħmlu kif nagħmel jien,” qal Żaren.

Żied jgħid: “L-aħħar li għamilt il-festin ta’ għeluq snini din il-ġimgħa, kont qiegħed il-Fgura, hemm ġbartilhom €315. Jien m’għandix bżonn flus, jiena b’saħħti mbierek Alla u li qiegħed nagħmel huwa għal dawk it-tfal. Sakemm nibqa’ ħaj, u sakemm il-Bambin iżommni ħaj, lil dawk it-tfal irrid nagħmilhom bħal ta’ ħaddiehor. Mhux lit-tfal biss għax jistgħu jkunu kbar bħalna wkoll. Se ntihom ħafna… din id-darba eluf jitilgħu mhux mijiet.”

Miegħu tkellimna wkoll fuq is-somma sabiħa li preżenta fl-aħħar maratona ta’ Puttinu. F’dan ir-rigward huwa qalilna: “Dawk għamilthom fi żmien tal-elezzjoni u min kellu jivvutali, xorta vvutali. Fejn ikun hemm in-nies, in-nies jiġu għax jien niġbed in-nies u li nagħmel mhux għalija nnifsi għax jien pensjonant u bil-pensjoni ngħix.”

Fl-aħħar nett, Żaren ma naqasx milli jgħaddi l-aħħar messaġġ tiegħu:

L-aħjar li nkunu lkoll ferħanin, 
ma’ Żaren tal-Ajkla tafu fejn qegħdin, 
tafu fejn sejrin, 
xi darba l-futur ikun tagħna, 
ta’ Malta u l-Għawdxin
is-26 ta’ Marzu għadda, 
tawh in-number one, 
l-ajkla tibqa’ ttir.
X’ma nħobbkomx Maltin u Għawdxin
2022, Maltin u Għawdxin

Sport