Saturday, November 16, 2024

Mhux għax għandek diżabbiltá jew xi kundizzjoni, allura ma tistax tagħmel xi tip ta’ sport – Nick Mercieca

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-karate?

L-imħabba tiegħi lejn il-karate bdiet daqs 11-il sena ilu meta jien u missieri morna nistennew lil ħija l-kbir waqt li kien għaddej bil-lezzjoni u bdejt nipprova nagħmel xi movimenti bħalhom. Meta s-sensei Joe Tanti rani nagħmel hekk, daħħalni fuq it-tatami u qalli biex inkompli magħhom. U ili minn dak iż-żmien, s’issa nittrenja għal dawn l-aħħar 11-il sena, u f’Jannar tas-sena 2023, sirt blackbelt.

B’hekk sirt l-ewwel blackbelt hawn Malta fuq siġġu tar-roti.

Kif tħossok għall-fatt li int persuna b’dizabbiltá iżda xorta waħda teċċella f’dan l-isport?

Jien għalkemm persuna b’diżabbiltá dħalt għal kull sfida li jista’ jkolli għax diment li sfida tidħol għaliha ma tibqax sfida imma tiġi riżultat tajjeb.

Kemm jgħinek l-isport mil-lat psikoloġiku?

Għalija, l-isport ifisser ħafna għax bih jien inkun nista’ nara dak li nista’ nagħmel u bih id-diżabilitá nkun nista’ nġibha f’abilitá.

X’unuri prinċipali rbaħt fil-karriera tiegħek?

Unuri li ksibt kienu meta mort nirrapreżenta lil pajjiżi fl-2018 fil-Belġju bl-isport tal-karate fejn ksibt il-midalja tad-deheb. Sentejn ilu ġejt klassifikat fl-Italja fil-kategorija ta’ PR1 waqt training camp. Ġejt ir-runner-up tat-titlu ta’ most inspiring person, ġejt it-tielet post mill-atleti żgħażagħ sportivi mill-Għaqda Ġurnalisti Sports (GĦĠS). Irbaħt l-unur tal-ATLAS Żagħżugħ tax-Xahar ta’ Diċembru 2022, waqt li f’Novembru 2022, ksibt rekord dinji fl-indoor rowing fil-kategorija tiegħi. Apparti minn hekk, fil-jiem li għaddew, il-YouTuber famuż mondjali Stan Browney għamilli intervista u l-video rawh iktar minn 10 miljun persuna.

Apparti dan fis sena 2023 ksibt tliet rekords mondjali oħra fil-para indoor rowing.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn tittrenjaw il-karate f’pajjiżna?

Il-klabb li nittrenja miegħu huwa La Salle Karate Club, fejn dan huwa klabb inklussiv għal kulħadd. L-unika diffikultá li nsib f’dan I-isport huwa li m’hawnx min jikkompeti kontrija għalissa.

Int ukoll tipprattika l-para-rowing. Agħtina iktar dettalji.

Apparti l-karate, jien nipprattika wkoll il-para-rowing. Jien ili sentejn issa nipprattika dan l-isport. Kien hemm maratona tal-indoor rowing, mort nipprova u minn hemm, bqajt nippratika dan l-isport .

Kemm huma differenti minn xulxin il-karate u l-para-rowing?

Karate u rowing huma żewġ dixxiplini differenti minn xulxin, peró kkombinati flimkien jgħinuk biex tibbrilla fit-tnejn li huma.

Int titħarreġ il-para-rowing ma’ Siġġiewi Rowing Club immexxi minn Profs. Joseph N. Grima. Agħtina iktar dettalji.

Indoor rowing nittrenjah mas-Siġġiewi Rowing Club, fejn dan il-klabb huwa inklussiv ħafna u barra minn hekk, il-kowċis ma jaraw l-ebda differenza fl-abilitá tal-persuna.

Fil-ġimgħat li għaddew, int irbaħt l-unur tal-Atlas Żagħżugħ tax-Xahar. Agħtina iktar dettalji.

Fix-xahar ta’ Diċembru 2022 intgħażilt bħala ż-Żagħżugħ Atleta tax-xahar mingħand l-Atlas Insurance.

Kif jirnexxielek tlaħħaq mal-istudji tiegħek u mal-karate u l-para-rowing?

Apparti l-karate u r-rowing, jien nipprattika wkoll il-calisthenics u weight-training. Barra minnhekk, ikolli niddedika ħin għall-istudji tiegħi, ħalli nkun nista’ nilħaq dak li nixtieq naħdem. Riċentement, bdejt nitħarreġ fil-powerlifting biex nipprova nikkwalifika għall-Paralympic Games 2028.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-isport?

Fil-futur qrib nkompli nikser iktar rekords mondjali fil-para-rowing u ntejjeb il-livell fl-isport l-ieħor li nittrenja. Inħares ‘il quddiem biex fil-futur immur nikkompeti fil-Para-Olimpjadi.

Għaddi messaġġ lil żgħażagħ bħalek speċjalment dawk b’diżabbiltá li bħalek jixtiequ jibdew jipprattikaw xi tip ta’ sport.

Messaġġ minn qalbi ngħid li mhux għax għandek diżabbiltá jew xi kundizzjoni, allura ma tistax tagħmel xi tip ta’ sport. F’pajjiżna, issib ħafna opportunitajiet fl-isport għall-persuni b’diżabbiltá. Għalhekk, nissuġġerixxi lil kull persuna b’diżabbiltá li tixtieq tibda tipprattika xi tip ta’ sport, biex tikkuntattja lill-Malta Paralympic Committee.

Ekonomija

Sport