Sunday, December 22, 2024

Mhux minnu li tqajmu passiġġieri biex jakkomodaw lis-Segretarju Parlamentari Chris Bonett

Deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi, ma laqax l-ilment li ressaq il-Prof. Arnold Cassola fil-konfront tas-Segretarju Parlamentari Chris Bonett.

Fl-ilment tiegħu, Cassola kien allega li fis-7 ta’ Diċembru 2022, numru ta’ passiġġieri fuq ajruplan tal-Air Malta tneħħew mis-siġġijiet li huma kienu bbukkjaw minn qabel sabiex jagħmlu post għas-Segretarju Parlamentari Bonett u l-familja tiegħu, li kienu sejrin għal btala f’Londra. Intqal li minħabba f’dan inqalgħet kommossjoni u t-titjira telqet nofsiegħa tard.

Huwa kien talab li jiġi investigat għalfejn is-Segretarju Parlamentari u l-membri tal-familja tiegħu kienu ppermettew li tinqala’ din is-sitwazzjoni, filwaqt li kien ibbaża l-ilment tiegħu fuq artiklu li deher fuq is-Shift News.

Min-naħa tiegħu, Bonett ċaħad li huwa ngħata xi trattament preferenzjali u qal li kien ibbukkja erba’ siġġijiet biex hu, martu u ż-żewġ uliedu jkunu ħdejn xulxin peress li uliedu kienu ta’ età żgħira.
Madanakollu, kif waslu l-ajruport ingħataw boarding passes b’postijiet separati minn xulxin. Għalhekk huwa talab li jingħataw siġġijiet ħdejn xulxin, kif kien ipprenota qabel. B’riżultat ta’ dan huwa u l-membri tal-familja tiegħu ngħataw boarding passes ġodda bis-siġġijiet ħdejn xulxin.

L-Onor. Bonett qal li hu u l-familja tiegħu kienu l-ewwel nies li telgħu fuq l-ajruplan u poġġew skont il-boarding passes il-ġodda. Fost il-passiġġieri li telgħu warajhom kien hemm tnejn li lmentaw li kienu ttiħdulhom is-siġġijiet.

Il-Kummissarju tal-Istandards nnota li l-verżjoni tal-Onor. Bonett kienet taqbel ma’ dak li ddikjara ċ-Ċermen Eżekuttiv tal-Air Malta li bbukkja siġġijiet ħdejn xulxin. “Wieħed jifhem li kienet tkun irresponsabbiltà li żewġt itfal żgħar jitħallew waħedhom fuq ajruplan.”

Intqal li l-fatt li Dr Bonett insista li jingħata siġġijiet ħdejn xulxin għalih u għall-membri tal-familja tiegħu ma jammontax għal sforz biex jakkwista trattament favorevoli għaliex huwa kien ipprenota dawn is-siġġijiet minn qabel. Kien difett fis-sistema tal-kumpanija li wassal għad-diżgwid li nqala’, u dak li ġara lis-Segretarju Parlamentari Bonett seta’ jiġri lil kulħadd. “Jidher li ma kienx hemm xejn min-naħa tiegħu li kkontribwixxa għall-akkadut,” qal il-Kummissarju għall-Istandards li saħaq li l-ilment ma jirriżultax fondat u għalhekk iddikjara l-każ bħala magħluq.

Ekonomija

1 kumment

  1. Sinjuri membri psrlamentari LABURISTI.Meta se tqumu minn bilqeda u tiehdu azzjoni fuq dawn il qlajjiet kolla.Wasal iz zmien li jibdew jigu investigati dawk li hadu larloggi u linbid.Sur Cassola meta se tikteb lill kummisjoni tal Gustizzja biex tiehu passi kontra dawk li zammew larloggi w linbid ghandhom .Gie investigat dak il ministru li kien jiddikjara li ghandu €70000 Lizvizzera. Wara instab li kellu €700000.Sur Cassola il bhala lettur tal Malti taf bizzjjed li biex tiskongra trid tkun pur.

Comments are closed.

Sport