Wednesday, December 25, 2024

“Mhux se ngħidilkom ivvutaw labour… ivvutaw għal dak li temmnu li hu l-aħjar pjan”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’dak li kien l-ewwel dibattitu bejn il-mexxejja tal-partiti politiċi f’din il-kampanja elettorali li sar ilbieraħ fl-Università ta’ Malta spikkaw l-argumenti b’saħħithom mressqa mill-Prim Ministru Robert Abela fuq diversi oqsma filwaqt li min-naħa l-oħra, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ma kienx f’pożizzjoni li jwieġeb dwar il-costings tal-proposti tal-PN. 

F’okkażjoni partikolari, il-Kap tal-Oppożizzjoni wera ċertifikat li m’għandux pendenza ta’ ħlasijiet ta’ taxxa, bil-Prim Ministru jwieġbu li dak iċ-ċertifikat jingħata biss lil min ikun inqabad jevadi t-taxxa.

Apparti l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni, f’dan id-dibattitu pparteċipaw ukoll iċ-Chairperson tal-ADPD Carmel Cacopardo, il-Kap tal-Partit ABBA Ivan Grech Mintoff u l-Kap tal-Partit Popolari Paul Salomone.

Fl-indirizz tiegħu ta’ introduzzjoni waqt id-dibattitu, il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa entużjast li jinsab fost l-istudenti Universitarji sabiex jiddibattu dwar l-isfidi, l-opportunitajiet, imma fuq kollox il-futur tal-pajjiż.

Rigward iċ-ċirkostanzi partikolari li għaddejjin minnhom bħalissa, Dr Abela sostna li ħerġin mill-ikbar sfida fejn bħala Gvern ħadem biex isalva l-ħajjiet u pproteġa l-għajxien tan-nies. 

Il-Prim Ministru tenna li qegħdin f’fażi ta’ rkupru ekonomiku, imma nħolqot din ir-realtà ġdida ta’ tensjoni u gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Għalhekk, dan il-mument jitlob maturità fid-dibattitu politiku. Il-Prim Ministru sostna li hu jinsab “mimli bil-kuraġġ għall-futur.”

Dr Abela argumenta li bħala Gvern għamel ħafna xogħol u Malta għandha ħafna fejn timxi ’l quddiem. Ħadem ħafna fil-qasam tal-governanza, partikolarment fejn jidħlu s-servizzi finanzjarji. F’pandemija żamm il-prijoritajiet tagħhom tajbin. Huwa jsostni li “Irridu nidħlu f’din id-diskussjoni b’sens ta’ realiżmu u ottimiżmu.”

Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar il-white paper tal-kannabis, fejn il-kontribut li ngħata wkoll mill-istudenti wassal għal dak li kien propost fl-abbozz. “U mela tastjeni fuq abbozz daqstant importanti,” rrimarka l-Prim Ministru.

Għalhekk, fil-fehma tal-Prim Ministru, it-tliet prijoritajiet importanti huma l-kwalità tal-ħajja, opportunitajiet għal kulħadd u Malta Isbaħ.

“Ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem l-atroċitajiet”

Dr Abela qal iżda li rridu nitkellmu dwar dak li qed jiġri fl-Ewropa għax ma nistgħux nibqgħu siekta quddiem l-atroċitajiet. Qed naraw tfal ibatu, familji jbatu, imwiet. Huwa jsostni li din hi sitwazzjoni li verament turi l-agħar li jista’ jagħmel il-bniedem. Dr Abela kompla jgħid li bħala partit fil-gvern seta’ jibqa’ passiv imma dejjem tkellem dwar il-prinċipju ta’ solidarjetà u li dan l-istess prinċipju attwah bil-prattika.

Dr Abela wiegħed li se jkun qed jgħin flimkien ma’ Puttinu Cares lil tfal żgħar ta’ nazzjonalità Ukrena biex jirċievu trattament onkoloġiku. L-istess se jagħmel fil-konfront tal-adulti li għandhom mard tal-kanċer. Se jibgħat mediċini fl-Ukrajna. Ta kenn ukoll lil 26 persuna li talbu l-ażil u qegħdin f’Malta, minbarra persuni oħra li ġew u laqagħhom b’idejh miftuħa. Ir-realtà hija li hemm impatti u l-Partit Laburista għamel analiżi tagħhom u għal kull impatt ekonomiku mexa bi prinċipju wieħed – li jipproteġi lin-nies. Dr Abela qal ukoll li waqt il-pandemija naqqas il-prezzijiet tal-fuel u li dan jgħodd ukoll għall-prezzijiet tal-ikel.

Dr Abela saħaq li fl-aħħar sentejn il-Partit Laburista mexxa lil Malta waqt kriżi internazzjonali. Kemm bħala partit kif ukoll bħala gvern tgħallmu sabiex jibqgħu jmexxu lil dan il-pajjiż f’kuntest ta’ kwalunkwe sfida oħra. Żied jgħid ukoll li eżatt malli jintemm dan id-dibattitu se jibqa’ sejjer lejn Franza għal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew sabiex tiġi diskussa din ir-realtà ġdida”.

Trasport pubbliku b’xejn għal kulħadd minn Ottubru

Dwar il-miżuri tal-Partit Laburista f’dak li jirrigwardja t-trasport, Dr Abela qal li inċentiva ewlenija se tkun dik li minn Ottubru li ġej it-trasport pubbliku se jkun b’xejn għal kulħadd. Huwa sostna wkoll li Gvern Laburista bħalma għamel fl-aħħar snin se jkompli jinċentiva bis-saħħa l-qalba tal-flotta privata għal waħda elettrika. Wiegħed inċentivi ta’ eluf ta’ ewro, l-istess f’dak li jirrigwardja l-karozzi tal-linja. 

Dr Abela tkellem ukoll dwar is-servizz tal-fast ferry, u qal li dan ħadem iżda fadal xi jsir, kemm għal dik li hi frekwenza, kif ukoll irid jara servizz ta’ fast ferry b’aktar waqfiet biex ikun aktar konvenjenti u aċċessibbli. Dwar is-sistema ta’ Metro, il-Prim Ministru qal li l-istudji tlestew u ġew ippubblikati, u sar ukoll proċess ta’ konsultazzjoni pubblika. Issa l-Prim Ministru se jkun qed jitlob finanzjament sabiex jgħaddi għall-fażi li jmiss tal-istudji, dawk ġeo-tekniċi. Saħaq li dan huwa proġett massiv anke fl-investiment finanzjarju li jrid isir.

Prijorità ambjentali

Il-Prim Ministru żied jinnota li “Proposta ewlenija tal-Oppożizzjoni dwar il-White Rocks … qed jgħid li jixħet 50,000 metru kwadru ODZ, imbagħad fil-leġiżlatura li jmiss jiżviluppahom b’mod trasparenti”. Dr Abela stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex jiddeċiedi jekk hux se jagħmilhom f’ODZ jew inkella hux se jiżviluppahom. Il-Prim Ministru meta kien mistoqsi dwar l-ambjent argumenta li s-€700 miljun ta’ proġetti ambjentali, se jsiru proġetti ambjentali u hekk se jibqgħu. Kunċetti ġodda bħal urban green reclemation, spazji miftuħa. 

Semma’ wkoll il-proġetti ta’ Wied Fulija fiż-Żurrieq u tal-Qortin f’Għawdex, li minn miżbliet ġew mibdula f’parks għall-familja. Ma naqasx ukoll milli jirreferi għall-proġetti tax-shore-to-ship fil-Port il-Kbir, kif ukoll il-bżonn ta’ żieda f’enerġija rinovabbli. Tenna li dan kollu jikkonferma kemm il-prijorità ambjentali hi fuq quddiem nett għal pajjiżna.

Inċentivi għall-first time buyers

Dr Abela qal li ngħataw inċentivi qawwija b’mod partikolari lill-first time buyers biex jixtru proprjetajiet fil-qalba tal-irħula. Il-Prim Ministru qal ukoll li proposta oħra ta’ Gvern ġdid Laburista hi dik ta’ għotja ta’ €10,000 lill-first time buyers fil-ħlas tas-self tagħhom. Semma l-kwistjoni tal-kirjiet protetti fejn qal li l-gvern ta’ qabilhom għamel fjask meta pprova jirriformha. Ħalla 10,000 familja li bdew jiġu żgumbrati. F’dan ir-rigward Dr Abela argumenta li fl-aħħar xhur il-Gvern Laburista għamel riforma li permezz tagħha, l-Awtorità tad-Djar tħallas sa €10,000 kera fis-sena lis-sid, u l-inkwilin jibqa’ protett u ma jħallas xejn minn butu. 

“U int Sur Kap tal-Oppożizzjoni qed tgħidilhom li jekk tingħata l-fiduċja, fi żmien tliet snin dawk il-familji se tħallihom mingħajr saqaf fuq rashom. Jekk mhu veru xejn ma missekx ktibtha fil-manifest,” qal il-Prim Ministru. 

Garanzija għat-tfal li tolqot lil kulħadd

Meta tkellem dwar l-edukazzjoni, il-Prim Ministru nnota li mhux kulħadd għandu l-istess opportunitajiet f’pajjiżna. Għalhekk, fil-manifest elettorali l-Partit Laburista qed jintroduċi garanzija għat-tfal li tolqot lil kulħadd, imma fejn jaħseb l-iżjed f’dawk it-tfal li ġejjin minn familji li jistgħu inqas finanzjarjament. Huwa semma’ l-inċentiv li se jingħata biex it-tfal jattendu attivitajiet extra-kurrikulurali. Qal ukoll li proposta oħra hi ta’ €500 għal tliet snin konsekuttivi fil-każ ta’ dawk l-istudenti li jibqgħu jistudjaw lil hinn mill-età obbligatorja. Dan filwaqt li jekk jingħata l-fiduċja se jerġa’ jżid l-istipendji. 

“L-abort mhuwiex fil-manifest tal-Partit Laburista”

Fejn jidħol is-suġġett tas-saħħa sesswali, il-Prim Ministru qal li fadal xi jsir, u propju għalhekk se jkun qed jagħti prijorità lil dan il-qasam. Huwa qal li l-edukazzjoni sesswali fl-iskejjel, il-politika dwarha trid tkun aġġornata biex tirrifletti r-realtajiet li għandna llum. Wiegħed li se jagħtu l-contraceptive pill kif ukoll il-morning after pill b’xejn fl-ispiżeriji tagħna kif ukoll fiċ-ċentri tas-saħħa. Il-Prim Ministru jemmen ukoll li l-prodotti relatati mal-menstruwazzjoni għandhom jiġu provduti b’xejn fl-iskejjel tagħna, u infatti hekk se jkun qed isir jekk jiġi afdat b’mandat ieħor.

Dwar is-suġġett tal-abort, il-Prim Ministru qal li jemmen li l-pajjiż u s-soċjetà ma ddurx mal-politiċi. Jemmen ukoll illi din hi diskussjoni li għaddejja diġà u trid tibqa’ għaddejja. Il-pożizzjoni tiegħu esprimieha mal-ewwel jiem li nħatar Prim Ministru, baqgħet konsistenti u l-abort mhuwiex fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista. Huwa żied jgħid li jifhem u jrid jibqa’ jifhem lil dawk it-350 jew l-400 persuna fis-sena li qed jagħmlu abort. Irid jifhem it-tbatijiet tagħhom. Ma jridx inkun hu li jitfa’ l-istigma fuqhom, li jikkundannahom jew li jgħidilhom li se jkeċċihom mill-partit politiku li jmexxi hu. Abela tenna li l-preġudizzju huwa ikrah u ħeġġeġ il-poplu sabiex ma jħallix din id-diskussjoni tiġi kkundizzjonata mill-preġudizzju.

“Ir-rata tat-twelid ma żżidhiex billi tistieden lil dawk li ma jistgħux isiru ġenituri jissieħbu fil-partit”

Il-Prim Ministru enfasizza wkoll li ħa pjaċir jisma’ lill-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellem dwar l-importanza li nżidu r-rata tat-twelid. Żied jgħid li s-soluzzjoni għal dan ma ssibhiex billi tgħid lin-nies li ma jistgħux isiru ġenituri biex jissieħbu mal-Partit Nazzjonalista. Saħaq li dan kien statement insensittiv ħafna u weġġa’ lil ħafna nies meta tkellem hekk.

Il-Prim Ministru wiegħed li jekk jingħata l-fiduċja, fl-ewwel 100 ġurnata jwessa’ s-servizzi provduti fil-qasam tal-IVF li jinkorporaw fihom l-aħħar teknoloġija. Huwa kompla jisħaq li lin-nies mhux se jgħidilhom imorru barra minn Malta u jaraw huma. Is-servizz se jkun qed jingħata f’Malta b’xejn u l-mediċina tingħata b’xejn ukoll mill-1 ta’ Jannar.

Mistoqsi dwar l-inkjesta pubblika b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, il-Prim Ministru qal li l-Gvern aċċetta minnufih il-konklużjonijiet tal-Bord tal-Inkjesta. Qal li huwa ltaqa’ mal-familja ta’ Daphne, u tnieda kumitat għall-esperti sabiex jagħmel riforma fis-settur tal-midja kif irrakkomandat fl-inkjesta. Qal ukoll li saru numru ta’ abbozzi li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-ġurnalisti li bagħathom quddiem il-kumitat ta’ esperti. Abela huwa tal-idea li probabbilment pajjiżna jista’ jkun l-ewwel pajjiż li jkollu leġiżlazzjoni anti-slapp ad hoc”, kompla Abela.

Il-Prim Ministru temm jgħid li jeħtieġ li nkunu kburin b’dak kollu li sar u sostna li kieku vera l-Partit Laburista kkopja l-miżuri tal-Partit Nazzjonlista kien ikollu bżonn fabbrika ta’ karti u linka għax ilu jibdel il-verżjonijiet għal mill-anqas ħames darbiet.

Sostna li fl-ewwel sigħat tal-kampanja, il-Partit Laburista beda jniedi l-miżuri, liema miżuri l-Partit Nazzjonalista ma sabx xi forma ta’ kritika għaliex huma kollha costed, spjegati u ċċarati. Huwa appella lill-istudenti biex ikunu huma li jiddeterminaw it-triq tal-pajjiż. Abela qal li jifhem li għad hemm min hu xettiku. 

Tenna li jifhem li saru l-iżbalji, iżda sar ħafna tajjeb ukoll u fadal ħafna riformi xi jsiru. Abela temm l-appell tiegħu fejn qal lin-nies li mhux se jgħidilhom jivvutaw lill-Partit Laburista, iżda widdibhom sabiex jiflu sew x’qegħdin jipproponu ż-żewġ partiti u jivvutaw għal dak li jemmnu li huwa l-aħjar pjan.

Ekonomija

Sport