Friday, April 26, 2024

“Mhux se nittolleraw li jkollna aktar vittmi nisa” 

il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard wara li ġie approvat l-abbozz ta’ liġi dwar il-femiċidju

Aqra wkoll

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-abbozz ta’ liġi li jittratta l-femiċidju għadda uffiċjalment mill-istadji kollha tal-Parlament b’mod unanimu. Bla dubju li din hi liġi ferm importanti li se twassal għal żvolta sħiħa fil-proċess kontra l-femiċidju li b’xorti ħażina refa’ rasu anke f’pajjiżna. Kellna diversi mwiet f’dawn l-aħħar snin ta’ nisa innoċenti u kien jinħass il-ħtieġa li jkun hemm regolamentazzjoni bis-serjeta’ ta’ din il-liġi. 

Talk.mt ħa l-kummenti tal-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard li esprima s-sodisfazzjon tiegħu li dak li l-gvern ħadem tant għalih beda jagħti l-frott. Qal li b’hekk Malta se tkun it-tieni pajjiż wara Ċipru li tipproponi bidliet leġislattivi li jitrattaw ir-reat tal-femiċidju.

Wara l-ġrajja makabra ta’ Paulina Dembska fi ġnien f’Tas-Sliema fil-bidu ta’ din is-sena, kien ippreżentat rapport mill-Universita ta’ Malta u l-Fondazzjoni għad-Drittijiet tan-Nisa “Country Report on Femicide: Research and Data” u tressaq abbozz ta’ liġi. Il-Ministru Attard żvela li fl-aħħar 200 sena, 30% tal-femiċidji seħħew mir-raġel tal-vittma jew qarib tal-vittma.

Wara dawn ir-riżultati ferm inkwetanti, il-Gvern mingħajr telf ta’ żmien beda proċess ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet u għaqdiet mhux governattivi sabiex tingħata aktar informazzjoni dwar ir-realtajiet li qed jaffaċjaw in-nisa fis-soċjeta Maltija.

Huwa tkellem dwar ir-riformi li saru minn amministrazzjonijiet Laburista u stqarr li l-objettivi tal-bidliet leġislattivi mhumiex biss biex isiru l-emendi bżonnjużi fil-liġi, iżda biex ikun ta’ tarka għal dawk li qegħdin ibatu fis-skiet ta’ djarhom u m’għandhomx vuċi. Qal li dan hu tragward mhux biss personali iżda wkoll kollettiv. Hu jsejjaħlu bħala abbozz ta’ liġi li l-parlament Malti appoġġja b’mod sħiħ biż-żewġ naħat jaqblu unanimament miegħu.

“Irridu nibagħtu messaġġ b’saħħtu lin-nies hemm barra li kull forma ta’ vjolenza fuq in-nisa mhux aċċettabbli. Mhux se nittolleraw li jkollna aktar vittmi nisa speċjalment wara l-każijiet xokkanti li seħħew f’dawn l-aħħar snin.”

Huwa sostna li wara d-diskussjoni li saret, issa jonqos biss l-aħħar stadju u minn hemm tidħol bis-seħħ din il-liġi. Hawnhekk il-Ministru għall-Ġustizzja xtaq jirringrazzja lill-predeċessuri tiegħu b’mod partikolari l-Onorevoli Owen Bonnici li kien beda din il-propaganda favur il-ġustizzja lejn in-nisa u kontra l-femiċidju. L-għan hu dejjem li din il-liġi tkun ferm b’saħħitha u tħalli l-effetti importanti tagħha.

Saqsejna lill-Ministru Attard dwar kemm hi qawwija l-kuxjenza f’Malta rigward il-femiċidju. “Nibda biex ngħid li żdied ħafna l-għarfien favur aktar drittijiet tan-nisa u fuq kollox qed nammettu li l-femiċidju hu reat kriminali ferm gravi. Hemm ħafna każijiet il-qrati fuq dan ir-reat, fadal xi jsir u qed naħdmu bla heda sabiex ikollna regolamentazzjoni ċara u b’saħħitha.”

“L-ewwel u qabel kollox irridu nevitaw iċ-ċirkostanzi li jwasslu sabiex ikun hemm femiċidju. Irridu nkunu aktar viġilanti għalkemm nemmen ukoll li l-edukazzjoni hi l-arma importanti sabiex dan kollu jiġi evitat.”

Il-Ministru Attarrd temm jgħid li ġaladarba naslu għal din il-fażi, ikollna soċjetà aktar tolleranti u fuq kollox tirrenja aktar l-ugwaljanza.

Sport