Wednesday, April 24, 2024

“Investiment li jkompli jsaħħaħ ir-reputazzjoni ta’ Malta internazzjonalment”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia, dwar l-investiment ta’ €20 miljun mir-Ryanair

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-investiment ta’ €20 miljun mir-Ryanair li tħabbar it-Tlieta li għadda mill-Prim Ministru Robert Abela kompla juri kemm kumpaniji kbar tal-ajru għandhom fiduċja f’pajjiżna. Dan l-investiment huwa sinjfikanti meta tqis il-kobor tiegħu u l-effett pożittiv li se jiġġenera fl-ekonomija nazzjonali.

Dan is-sit tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia li enfasizza l-importanza ta’ dan l-investiment fis-settur tal-avjazzjoni b’mod partikolari fil-qasam tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani (MRO). Investiment li se joħloq 250 karriera ġdida li l-parti l-kbira tagħhom se jkunu technicians u inġiniera ta’ livell għoli.

Is-Sur Farrugia semma li għandna l-Lufthansa Technik u l-Sr Technics li huma fost l-aqwa MROs fid-dinja flimkien mal-kumpanija l-oħra Medavia. Qal li żżid ir-Ryanair fl-ekosistema tal-MROs turi l-fiduċja f’pajjiżna tant li qed jiżdied isem ieħor ma’ dawk li diġà għandna f’dan il-qasam.

Mil-lat internazzjonali, il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise qal li bħala ċentru għall-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani, b’dan l-investiment ir-reputazzjoni ta’ Malta se tkompli tikber internazzjonalment. 

Is-Sur Farrugia qal li fis-settur tal-MROs hawn madwar 1,000 impjegat. L-investiment mir-Ryanair se jwassal għal żieda fid-domanda għall-impjiegi bi kwart oħra fuq medda ta’ diversi snin. Dan ifisser li bħala pajjiż irridu nkomplu nagħfsu fuq iżjed karrieri fil-qasam tal-avjazzjoni.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia

“Id-domanda li hawn għal ħaddiema fl-inġinerija u l-avjazzjoni hi kbira ħafna. Waħda mix-xogħol tagħna bħala Malta Enteprise hi li nattiraw iżjed interess fuq żewġ bnadi. Dan billi l-MCAST ikomplu jsaħħu d-Dipartiment tagħhom li jħarrġu technicians u inġiniera għas-settur tal-avjazzjoni u anke nattiraw interess minn akkademji internazzjonali li jistgħu jagħtu taħriġ f’Malta stess,” żied jgħid is-Sur Farrugia filwaqt li ma naqasx milli jsemmi kif il-livell tal-ħaddiema fl-avjazzjoni u fis-settur tal-manutenzjoni u t-tiswija tal-ajruplani huwa fost l-aqwa fid-dinja.

Mistoqsi x’ħidma qiegħda tagħmel il-ME biex tattira aktar investiment ta’ din ix-xorta lejn pajjiżna huwa qalilna li l-ME taħdem fuq diversi setturi. “Fl-avjazzjoni qed niġu ċentru ta’ eċċellenza. Hemm anke proġetti oħrajn mhux neċessarjament fl-MROs imma anke f’oqsma innovattivi bħall-UAVs u drones. 

“Imbagħad għandek il-qasam tal-farmaċewtika, b’kumpaniji lokali li qed jespandu u żewġ kumpaniji ġodda li se jibdew joperaw minn Malta u fiż-żmien li ġej se jkollna kumpanija oħra li se tingħata art u tibni fabbrika ġdida. Dawn se jdaħħlu teknoloġija ġdida magħrufa bħala Biopharma,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-ME.

Huwa qal li setturi oħrajn li qed jaħdmu fuqhom jinkludu l-istart-ups, fejn il-kumpaniji jdaħħlu ċertu innovazzjoni u teknoloġija ġdida fil-pajjiż, u anke fir-robotika u l-industrija tal-video games fost oħrajn. “F’dawn l-oqsma kollha qed nieħdu ħsieb li nattiraw kumpaniji ġodda u qed naraw interess u qed nagħlqu l-proġetti.”

Sport