Fr Robert Galea twieled fl-14 ta’ Novembru 1981 u llum il-ġurnata għandu 41 sena. Hu qassis Malti/Awstraljan li għandu għal qalbu l-mużika b’mod partikolari dik Kristjana.
Galea ħareġ b’erba’ proġetti mużikali tul dawn l-aħħar snin u dawn huma More of You (April 2004), Closer (UK release, Frar 2006), What A Day (Jannar 2008), “Divine Mercy Chaplet” [flimkien ma’ Gary Pinto u Natasha Pinto] (Awwissu 2010), “Reach Out” (Jannar 2011) Fr Robert Galea, Reach Out Live (Lulju 2011), “Glorify” Mass setting (Awwissu 2013) u “Something About You” (Jannar 2015).
Isem Fr Rob Galea deher ukoll f’ħafna gazzetti u rivisti Amerikani meta fl-2015 kien ħa sehem fl-X-Factor għalkemm ma kompliex bil-parteċipazzjoni tiegħu wara li kellu jmur irtir mal-qassisin. Kiteb ukoll ktieb bl-isem Breakthrough fl-2018 li ġie ppubblikat fl-Istati Uniti u li ġie mitbugħ fl-Ave Maria Press.
Wara li bħala żagħżugħ normali hu kien joħroġ ma’ sħabu u anke kien għarus, meta kellu 21 sena Rob Galea daħal bħala seminarista u wara li żar l-Awstralja fl-2006, hu kompla bl-istudji tiegħu f’Melbourne. Fl-2008 flimkien mal-Isqof Joseph Grech, waqqaf The Stronger Youth Programm fejn kienu jorganizzaw rallies u irtiri għaż-żgħażagħ. Din il-komunita’ li bdiet minn Victoria, kompliet tissaħħaħ tant li kibret sew anke f’Perth u l-Awstralja tan-Nofsinhar.
Finalment Rob Galea sar qassis fil-5 ta’ Novembru 2010 mill-Isqof ta’ dak iż-żmien Paul Gremona u serva fl-ewwel parroċċa tiegħu f’St Brendan’s Catholic Church f’Shepparton.
Dan is-sit Talk.mtin il-gazzetta tkellmet ma’ Fr Rob Galea li weġibna għall-mistoqsijiet li għamilnilu. Saqsejnih dwar kif ġietu l-ħajra li jsir saċerdot. “Jien kont żagħżugħ normali bħal ħaddieħor. Kont nistudja, naħdem, naqla’ l-flus, noħroġ ma’ sħabi u anke kelli relazzjoni ma’ tfajla. Kien żmien ukoll ta’ ribelljoni li jgħaddi minnha kull żagħżugħ.”
“F’dan iż-żmien ta’ kunflitt interjuri kbir, skoprejt lil Alla u kemm hu għandu ħniena lejn il-proxxmu. Kelli x-xewqa li dak li esperjenzajt jien, ridt li ħaddieħor jgħaddi minnu ukoll. Kien hawn fejn tlabt parir lill-qassis partikolari li ssuġġerili sabiex nidħol seminarista.”
“F’dan iż-żmien, jien kont qed nitlob lil Alla li nebbaħni u lluminani li kellu bżonni fl-għalqa tiegħu. Jien aċċettajt u hawn jien bħala serv ta’ Alla.” Saqsejna lil Fr Rob Galea x’ifisser Ġesu’ Kristu għalih. Hu weġibna b’mod skjett billi qalilna li Kristu għalih hu l-aqwa ħabib li persuna qatt jista’ jkollha, it-tama ta’ kulħadd u dak li jtik iċ-ċavetta sabiex tmur il-ġenna.
Galea qalilna li hu spiss jirrikorri lejH u jħossu kuntent li hu dejjem jisimgħu.
Fuq kollox, meta bniedem isir qassis, hu jkun qed jirrappreżenta lil Kristu stess. Kif jaħsibha dwar dan Fr Rob?
“Mhux xi ħaġa faċli li trid tixbah lil Kristu. Għalija anzi hu privileġġ li n-nies jew il-parruċċani jħarsu lejk bħala Kristu. Inħossni privileġġjat meta nwettaq is-sagramenti bħall-magħmudija, il-preċett u l-griżma għax dawn kollha huma affarijiet sbieħ.”
Minkejja kollox, bħalma qalilna Fr Rob stess, jiġu mumenti fejn ikun hemm dubji jew aħjar biżgħat li kull bniedem jgħaddi minnhom. “Mument partikolari jekk qed insemmu s-sagramenti hu proprju meta int trid tagħti l-griżma tal-morda u tara bniedem li għandu ġismu dgħajjef u li viċin ħafna li jitlef ħajtu. Mument ieħor li jakkumpanja dan il-proċess hu anke l-perjodu meta persuna tkun ma tiflaħx u int trid tibqa’ magħha u tagħtiha l-kuraġġ meħtieġ.”
Minkejja kollox, Fr Rob sostna li hu jemmen f’Alla, jafdaH u fuq kollox iħares lejn il-lat spiritwali li jgħinu ħafna fil-problemi li jaffaċċja kull individwu fil-ħajja ta’ kuljum.
“Alla jkun miegħi f’dan il-vjaġġ meta nħossni waħi jew meta ma ningħatax l-ispazju tiegħi. Warakollox, Alla dejjem jiftaħli bibien ġodda u jien grat għal dan kollu.”
Kif nafu. Fr Rob Galea hu kantant apparti li hu wkoll qassis. Matul din is-sena hu se jkun qed idoqq u jkanta għall-Papa Franġisku quddiem kważi 3 miljun ruħ waqt il-ġurnata ddedikata liż-żgħażagħ.
“Ninsab kuntent li fi ftit tal-ġimgħat oħra se nkun qiegħed fil-belt ta’ Lisbona u bħalissa għaddej b’ħafna taħriġ sabiex inkun ippreparat. Se nkun qed nieħu sehem fi 17-il kunċert li jekk toqgħod tħares lejhom mhumiex daqshekk faċli. Mhux l-ewwel darba li daqqejt quddiem il-Papa.
Aktar qabel kelli wkoll funzjoni fejn fiha kantajt quddiem il-Papa Benedittu, esperjenza li ma ninsa qatt. Se jkun hemm bejn żewġ u tliet miljun persuna u għalhekk nixtieq inkun ippreparat u nagħti l-aqwa tiegħi possibbli.
Saqsejna lil Fr Rob dwar temi importanti fil-ħajja ta’ qassis fosthom x’differenza jista’ jagħmel qassis fil-ħajja tal-bniedem. “Qassis hu dejjem lest li jagħmel id-differenza fil-ħajja tal-bniedem. Qassis għandu ċans jirrifletti u jitlob iktar u għalhekk jgħin spiritwalment lill-bniedem.”
Iżda Fr Rob jaħseb li qassis ukoll għandu dritt li jkollu familja?
“Jien mhux imbeżża’ li jkolli familja iżda jien naraha li int tkun serv tal-Mulej u dan ma jkunx irrid li ħaddieħor jindaħal bejniethom. Għalhekk hi vokazzjoni fejn bħalma qassis ikollu l-vokazzjoni li jaqdi lill-proxxmu, hekk ukoll hemm nies kapaċi li jiżżewġu u jrabbu familja. Personalment nemmen li kont inkun missier tajjeb iżda l-vokazzjoni tiegħi hi dik li nkun qassis. Dan hu rigal li Ġesu’ tana u li jien ilqajtu b’idejja miftuħa.”
Iżda xi rwol għandu l-qasssis fis-soċjeta’ tal-lum li qed tinbidel dejjem aktar?
“Is-soċjeta’ tista’ tinbidel iżda r-rwol tal-qassis ma nbidel qatt għax l-imħabba lejn Kristu tibqa’ dejjem friska u ma tmut qatt.” U finalment saqsejnih ukoll dwar kif żgħażagħ ma tantx qed jagħtu kas tal-knisja.
“Naf li hawn ħafna distrazzjonijiet iżda fl-aħħar mill-aħħar dejjem għadek issib żgħażagħ li jfittxuh. Jekk inħares lejn il-kunċert li se nkun qed nagħmel quddiem żewġ miljun żagħżugħ u żagħżugħa, Alla għandu rilevanza kbira fil-ħajja tal-bniedem.”