Monday, May 13, 2024

Sejħa biex ħaddiema jingħataw leave bi ħlasf’temperaturi għoljin ta’ 35 grad u aktar

…. Ħaddiema mietu bl-effett tal-mewġa ta’ sħana

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Din il-lupa ma niflahiex. Ir-riħ jaħraq. Ma tissapportix barra”. “Il-mewġa ta’ sħana hi qawwija biżżejjed. Lanqas l-għodda ma tista’ taqbad b’idejk għax tkun taħraq”. “Kelli ħaddiema li bdew ibatu minn heat stroke minħabba ammont qawwi ta’ ħin fix-xemx. Is-sħana saret qawwija u saret iddum ferm aktar bħala ġranet mis-snin ta’ qabel”.

Dawn kienu xi kummenti li għaddewlna ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni f’pajjiżna, Bħalissa il-liġi Maltija tgħid li l-ħaddiema fil-kostruzzjoni ma jistgħux jibdew xogħol qabel is-7.00 ta’ filgħodu minħabba storbju u għalhekk są issa hi diffiċli li ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam jibdew kmieni u jispiċċaw kmieni fix-xhur tas-sajf.

Il-kwistjoni tat-temperaturi għoljin u sħanat kbar, kienet wasslet biex is-sena li għaddiet l-unions Ewropej kienu sejħu biex il-Kummissjoni Ewropea timponi limitu massimu ta’ temperatura għall-ħaddiema.

Dan kien sar wara li fi Spanja ġew irrappurtati imwiet ta’ ħaddiema li kienu esposti għas-sħana u temperaturi għoljin. Diverși ħaddiema f’pajjiżi b’mod partikolari f’pajjiżi Mediterranji, kien instab li kienu qegħdin ibatu minn heat stroke. Tlett persuni kienu mietu waqt li kienu qegħdin jaħdmu f’Madrid.

Irid jingħad li hemm ammont żgħir ta’ stati membri li għandhom liġijiet li jillimitaw l-ammmont ta’ sigħat fi sħana eċċessiva. Il-limiti jvarjaw u ħafna nazzjonijiet m’għandhom ebda limiti fuq il-livell massimu tat-temperatura.

F’riċerka li kienet saret mill-Aġenzija Ewropea, Eurofound, xejn inqas minn 23 fil-mija tal-ħaddiema kollha tal-Unjoni Ewropea kienu esposti għal temperaturi għoljin għal kwart tal-ħin li huma jagħmlu jaħdmu. Dan l-ammont imbagħad jitla’ għal 36 fil-mija għall-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-agrikoltura u industrija u 38 fil-mija għall-ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni.

Id-Deputat Segretarju Ġenerali tal-ETUC, Claes Mikael Stahl kien iddikjara li “ħaddiema qegħdin fuq quddiem jiffaċċjaw il-kriżi tal-bidla fil-klima. Din qegħdin jiffaċċjawha kuljum. Dawn għandhom bżonn protezzjoni mit-temperaturi għoljin.
L-ETUC iddikjarat li l-parti l-kbira tal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea m’għandhom l-ebda tip ta’ liġijiet li jillimitaw temperatura massima għal postijiet tax-xogħol.. Huma biss il-Belġju u l-Ungerija li għandhom xi tip ta’ leġislazzjoni simili.

Pajjiż bħal Franza, fejn m’hemm ebda limiti ta’ temperaturi massimi fuq il-post tax-xogħol, l-unjins iddikjaraw li kien hemm 12-il ħaddiem li spiċċaw tilfu ħajjithom minħabba sħana qawwija fis-sena 2020. Spanja hu pajjiż li għandu limitu massima ta’ temperatura imma din hi biss għal ċerti professjonijiet.

Fost dawn li tilfu ħajjithom fi Spanja kien hemm ħaddiem li jnaddaf it-toroq ta’ 61 sena. Hu waqa’ fit-triq u miet b’heat stroke f’temperatura li kienet ta’ 40 grad.
Fl-Italja, proprju fl-aħħar jiem ġew irrappurtati ħames imwiet ta’ ħaddiema minħabba sħana.

Dawn kienu Stefano Olmastroni, ħaddiem li jnaddaf f’supermarket. Olmastroni li kien ibati b’kundizzjoni f’qalbu, instab mejjet f’kamra li jbiddlu l-ħaddiema. Il-kamra kellha temperatura ta’ 39 grad. Hu kien qed jaħdem f’żona fis-supermarket li jbiegħ prodotti agrikoli li hi prattikament serra u li fiha ma hemm ebda arja kundizzjonata.

Apparti dan il-ħaddiem kien hemm ħaddiem ieħor ta’ 44 sena li tilef ħajtu fit-triq f’Milan, waqt li ħaddiem ieħor miet f’Jesi quddiem ibnu. Hu kien jaħdem f’maħżen ta’ Amazon.

L-union Taljanai FenealUil, permezz tas-Segretarju Ġenerali, Salvatore Cutaia, iddikjarat li l-ħaddiema għandhom jingħataw leave bi ħlas jekk it-temperaturi jaqbżu l-35 grad. Waqt li ħaddiema qed jheddu li joħorġu b’azzjonijiet industrijali biex ma jaħdmux fis-sħana, unions fl-Italja qegħdin jitolbu li l-ħaddiema m’għandhomx jitħallew jaħdmu f’dawn is-sigħat fejn it-temperatura tkun għolja.

Sport