Wednesday, July 24, 2024

Miċħuda mozzjoni oħra tal-Kap tal-Oppożizzjoni

… il-PM jgħid li rridu noqogħdu attenti li “ma nilledux il-preżunzjoni tal-innoċenza”

Aqra wkoll

L-Ispeaker Dr Anglu Farrugia f’ruling li ta ftit tal-ħin ilu ċaħda għal darb’oħra l-mozzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Bernard Grech.Dr Anglu Farrugia qal li “għalhekk is-Sedja minkejja li tifhem il-bżonn li din il-Kamra tiddiskuti l-iżviluppi li qed iseħħu b’rabta mar-rapport tal-inkjesta maġisterjali dwar il-Vitals, aktar u aktar meta dan isir pubbliku, dejjem biex jiġi ssalvagwardjat id-drittijiet tal-persuni involuti ma tarax li l-Kamra tista’ tiddibati din il-materja żgur f’dan l-istadju meta l-proċeduri dwarhom għadhom pendenti u saħansitra l-persuni li ħa jiġu akkużati inklużi ż-żewġ persuni indikati għadhom iridu jwieġbu għall-akkużi li se jitressqu kontrihom.

Għaldaqstant fiċ-ċirkostanzi s-Sedja ma tħoss li għandha tilqa’ t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni u għalhekk il-Kamra tista’ tkompli bix-xogħol tagħha,” temm jgħid l-Ispeaker.

Aktar kmieni: Il-Kap tal-Oppożizzjoni b’mozzjoni oħra fil-Parlament dwar riżenji

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ressaq mozzjoni oħra fil-Parlament biex tiġi diskussa dik li sejħilha ħaġa definita u ta’ importanza pubblika urġenti. Huwa talab biex tiġi diskussa “n-nuqqas ta’ riżenja jew tkeċċija tal-eks Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali u ta’ Ronald Mizzi minn Segretarju Permanenti” u dan minkejja li qal li dawn jinsabu akkużati.

Wara li saret din it-talba, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza lis-Sedja fejn qal li l-Oppożizzjoni qed tipprospetta li għal darba oħra l-Parlament isir forum ta’ proċeduri li huma pendenti quddiem il-Qorti meta hemm diversi rulings, fosthom tnejn li diġa’ ngħataw fil-jiem li għaddew, li jgħidu li din il-Kamra m’għandhiex tintuża biex jiġu dibattuti proċeduri kriminali pendenti quddiem il-Qrati.

Dr Abela qal li għal dawk il-proċeduri hemm il-Qrati li jridu jisimgħu l-każ. “Kif tista’ tiddiskuti dak li għadu kif semma l-Kap tal-Oppożizzjoni mingħajr ma tilledi l-preżunzjoni tal-innoċenza li għandhom iż-żewġ persuni?,” żied jistaqsi l-Prim Ministru.

Huwa kompla jgħid li rridu noqogħdu attenti “li ma nkunux aħna li f’din il-Kamra nilledu l-preżunzjoni tal-innoċenza. S’issa dak li rajna fid-dibattitu pubbliku diġà għandek dik il-kwistjoni jekk il-preżunzjoni tal-innoċenza kienx hemm min telaq minn preżunzjoni ta’ ħtija fil-bidu tal-indaġni fl-inkjesta maġisterjali.”

Sussegwentement, il-Kap tal-Oppożizzjoni akkuża lill-Prim Ministru li ma jrid iħalli lil ħadd jiddiskuti. Qal li l-ġimgħa li għaddiet, il-PM qam jiddibatti u telaq ‘il barra għax skontu kien diġa’ jaf id-deċiżjoni x’kienet se tkun.

Għal dan il-Prim Ministru wieġeb li: “il-Kap tal-Oppożizzjoni ilu ġimgħa jsabbat fuq sidru għax jgħid li jien nattakka lill-istituzzjonijiet imbagħad f’wiċċek Sur President ma staħax jattakkak frontalment li qed jinsinwa sfaċċatament li kien hemm xi ftehim dwar kif inti se tiddeċiedi ma din in-naħa. Ara vera ma tistħux!”.

Ekonomija

Sport