Wednesday, March 19, 2025

Mid-Dinja tar-Wrestling: Heyman, Reigns u CM Punk – Il-passat ilaħħaq Mal-preżent

Aqra wkoll

Minn Bradley Zerafa

Matul is-snin rajna bosta alleanzi, wħud li damu biss xhur, u oħrajn li baqgħu għaddejjin snin twal. Bla dubju, Paul Heyman jibqa’ wieħed mill-għażliet ewlenin meta xi ħadd jiġi mistoqsi min hu manager li tibqa’ tiftakar.

Dan il-leġġenda, minkejja li qatt ma ħadem bħala kompetitur attiv, jibqa’ msemmi għal bosta kisbiet, fosthom li kien il-moħħ prinċipali wara l-famuża Extreme Championship Wrestling, jew aħjar ECW, li bdiet bħala promozzjoni affiljata ma’ National Wrestling Alliance (NWA) taħt l-isem ta’ Eastern Championship Wrestling, qabel inxtrat mill-World Wrestling Entertainment (WWE) fl-2003.

Lil Heyman rajnieh fi rwol ta’ manager ma’ bosta wrestlers, pero’ tnejn li jibqa’ magħruf li ħadem magħhom huma indubjament CM Punk u Roman Reigns.

Kien fl-2012 waqt il-main event ta’ episodju ta’ Monday Night Raw bejn Alberto Del Rio u John Cena, li tal-aħħar kien fi feud taħraq ma’ CM Punk li dak iż-żmien kien WWE Champion, meta Punk daħal f’nofs il-ġlieda jattakka lil Cena u wara li sabbtu bil-GTS fuq karozza, daħal fil-karozza u kif is-sewwieq niżżel it-tieqa dan ma kien ħadd ħlief Paul Heyman innifsu.

Din l-alleanza damet biss sa Money In The Bank tal-2013, wara li Heyman tradixxa lil Punk meta rrovinalu ċ-ċans li jirbaħ lura t-titlu fil-Money In The Bank Ladder Match.

Immorru l’quddiem ftit snin meta fl-2020 rajna lil Heyman jifforma alleanza ma’ Roman Reigns, fejn ġie mogħti t-titlu ta’ Special Counsel, liema alleanza tiġi nterrotta momentarjament wara li Reigns keċċa u attakka lil Heyman waqt episodju ta’ Smackdown.

Kien imbgħad f’Jannar tal-2022 meta din l-alleanza reġgħat issudat wara li Heyman ittradixxa lil klijent attwali tiegħu Brock Lesnar permezz ta’ attakk minn Reigns bid-WWE Championship li għaddielu Heyman stess, biex eventwalment Lesnar tilef it-titlu.

Din l-alleanza baqgħet soda minn dak il-punt ‘il quddiem fejn wara Wrestlemania ta’ dik is-sena, Heyman ġie mogħti t-titlu ta’ Wiseman tal-Bloodline, minkejja li baqa’ Special Counsel ta’ Roman Reigns.

Fl-2024, wara li Solo Sikoa ħa l-kontroll tal-Bloodline f’idejh wara li Roman Reigns tilef l-Undisputed WWE Championship kontra Cody Rhodes, Heyman ġie mkeċċi mil-Bloodline wara li rrifjuta li jirrikonoxxi lil Sikoa bħala Tribal Chief.

Minn dak il-punt ‘il quddiem Heyman assoċja ruħu esklussivament ma’ Reigns sal-ġurnata tal-llum.

Lil dawn iż-żewġ wrestlers rajnihom jaħdmu flimkien bħala unjoni taħt l-istess team għal Survivor Series tal-2024, wara li Paul Heyman ħabbar li CM Punk ser ikun il-ħames membru tat-team, li ftit wara nsiru nafu li CM Punk għamel dan għal Heyman wara li qal li issa dan tal-aħħar jafu pjacir.

Immorru għal Marzu tal-2025 fejn waqt Steel Cage Match bejn CM Punk u Seth Rollins, wara li Rollins ikun qrib il-bieb tal-gaġġa, Reigns jitfaċċa minn imkien u jiġbed lil Rollins barra l-gaġġa, biex b’hekk ir-rebbieħ ikun CM Punk.

Il-biċċa li żgur ħadd ma stenna hija din, wara li ntemmet din il-ġlieda, Heyman jidher f’nofs ir-ring jikkonsla lil CM Punk, minkejja li l-alleat propja tiegħu huwa Roman Reigns. Ovvjament din ma daqqgħet xejn tajjeb lil Reigns fejn rajnih jitlifa kompletament b’attakk sfrenat fuq CM Punk, fejn ħalla lil Heyman bla kliem.

Dawn it-tlieta jidhru li l-borma qed titkewwes mhux ħażin għalihom. Biss x’hemm lest fil-futur, b’Wrestlemania biss xahar bogħod għad irridu naraw.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport