Sunday, December 22, 2024

Miftuħ uffiċjalment iċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi tal-MCAST

Aqra wkoll

Il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST) inawgura uffiċjalment iċ-Ċentru għall-Istudji Marittimi, fi ħdan l-Istitut tal-Inġinerija u t-Trasport tal-Kulleġġ. Il-ftuħ uffiċjali sar waqt żjara li l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima għamel fiċ-ċentru l-ġdid.

Il-Ministru Clifton Grima sostna li l-MCAST qed toffri mhux biss livell ogħli ta’ studju, iżda wkoll faċilitajiet avvanzati li jwasslu biex jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim rilevanti għall-industrija f’diversi setturi, inkluż l-industrija marittima. Il-Ministru nnota wkoll il-livell ogħli tal-istudenti, tant li l-marki tal-valutazzjoni taċ-Chief Mate ta’ din is-sena akkademika kienu għoljin b’mod eċċezzjonali, b’riżultati ta’ 100%.

Permezz ta’ letturi u mentors ta’ esperjenza u kwalifikati fis-settur, iċ-ċentru joffri firxa wiesgħa ta’ programmi marittimi f’livelli ta’ kwalifiki differenti li jappoġġjaw it-talbiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali fl-industrija marittima.

Il-Prinċipal u Kap Eżekuttiv tal-MCAST il-Professur Joachim James Calleja qal, “Dan iċ-ċentru joffri kwalifiki rikonoxxuti internazzjonalment biex l-istudenti jaħdmu fuq bastimenti u jottijiet. Studenti tal-Inġinerija Marittima jtemmu l-istudji tagħhom bi kwalifiki biex jibdew karrieri fit-tarzni bħala inġiniera, imma jistgħu jibqgħu jipprogressaw fl-istudji għal-livell ta’ surveyors u spetturi. L-investiment li sar f’dan iċ-ċentru huwa parti mill-istrateġija tal-kulleġġ biex niżguraw li l-istudenti tagħna jkollhom aċċess għal faċilitajiet ta’ taħriġ prattiku li jippreparahom għad-dinja tax-xogħol.”

Il-faċilitajiet il-ġodda jinkludu tliet simulaturi ġodda: Bridge Control, Global Maritime Distress u Sistema ta’ Sigurtà fil-Komunikazzjoni bir-Radju, u Electronic Charts Display Information System. Huwa mgħammar ukoll bl-għodda u l-apparat kollha meħtieġa, inkluż l-ewwel għajnuna u tagħmir għall-ilbies għall-eżerċizzji ta’ emerġenza u dgħajsa tas-salvataġġ.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur tal-Istitut l-Inġinier Stephen Sammut tkellem dwar il-korsijiet taċ-ċentru li jinkludu korsijiet full-time u part-time. Wieħed mill-korsijiet full-time huwa kors introduttorju li jwassal għal Diploma in Deck Operations (MQF Livell 3) b’perjodu ta’ studju ta’ sena akkademika. Studenti li jirnexxu jistgħu javvanzaw għal livell ogħla li jwassal għal Diploma Avvanzata fl-Operazzjonijiet tal-Gverta (MQF Livell 4) u gradwalment jikklassifikaw bħala Officer In Charge of Navigational Watch.

Iċ-Ċentru Marittimu joffri wkoll korsijiet tal-Inġinerija Marittima. Wieħed jista’ jibda b’Diploma Avvanzata fl-Inġinerija Marittima, li tista’ twassal għal BSc (Hons) fl-Inġinerija Marittima. Kull kors huwa ta’ tliet snin. Hemm ukoll workshops li huma disponibbli għall-istudenti biex iwettqu eżerċizzji prattiċi u jkunu jistgħu jaħdmu fuq it-teżi tagħhom.

Madwar 60 student full-time qed isegwu korsijiet fiċ-ċentru, inkluż Advanced Diploma in Deck Operations/Officer In Charge of Navigational Watch, Chief Mate u Master Mariner. 40 oħra huma rreġistrati f’korsijiet full-time fl-Inġinerija Marittima, inkluż Diploma Avvanzata (MQF 4) u l-BSc (Hons) (MQF 6).

Għal din l-okkażjoni kienu mistiedna wkoll diversi uffiċjali minn entitajiet privati li huma msieħba mal-MCAST f’dan is-settur edukattiv.

Ekonomija

Sport