Dik li qed tiġi deskritta bħala “nassa burokratika”, qed twassal biex bħalissa f’pajjiżna hawn mijiet ta’ ħaddiema li minkejja li ġew f’pajjiżna b’mod legali u kienu qed jaħdmu ukoll b’mod regolari, dawn spiċċaw issa qed jaħdmu b’mod irregolari. Għandna ħaddiema barranin li huma litteralment mhedda minn min iħaddimhom, tant li dawn qed jirrifjutaw li jagħtuhom ittra ta’ terminazzjoni ta’ impjieg u l-FS3 biex jibdew xogħol b’paga aħjar ma’ post tax-xogħol ieħor.
Talk.mt hi infurmata li f’pajjiżna hawn mijiet ta’ ħaddiema li qed jaħdmu b’mod irregolari minħabba problemi burokratiċi li spiċċaw inqabdu fihom. Mill-istħarriġ li għamilna sibna li hemm ħaddiema li jkunu qed jaħdmu ma’ post tax-xogħol partikolari u mbagħad dan il-post tax-xogħol jiddikjara li l-ħaddiema jtemmilhom l-impjieg u dan mingħajr ma jkun infurmat il-ħaddiem. Li jiġri mbagħad hu li l-ħaddiem ikun infurmat minn Identity Malta li l-impjieg tiegħu kien terminat u għalhekk irid jitlaq mill-pajjiż.
Infurmati wkoll li hemm imbagħad sitwazzjonijiet bil-kontra fejn il-ħaddiem barrani isib xogħol ma’ post tax-xogħol ieħor u jkun irid jirriżenja biex imur jaħdem f’dan il-post tax-xogħol ġdid. Qed jiġri li s-sid ta’ fejn ikun qed jaħdem, għax ma jkunx jaqbillu jitlef lil dak il-ħaddiem, jibda jhedded li ma jagħtihx l-FS3 u l-ittra tat-tmiem tal-impjieg. Dan ifisser il-ħaddiem ma jkunx jista’ jmur fil-post tax-xogħol il-ġdid.
Hemm min jaqbad u jirriżenja u mbagħad isib li m’għandux dawn id-dokumenti bħal FS3 li tkun qed tinżamm ma’ min kien jaħdem. Bħalissa ħaddiem barrani li jirriżenja għandu biss għaxart ijiem ċans biex isib impjieg ieħor. Kif jinqabeż dan l-ammont u ma jkunx għadu qed jaħdem jitkeċċa mill-pajjiż.
Qed jirriżulta ukoll li kull ċaqliq ta’ ħaddiem terz minn post tax-xogħol għall-ieħor, hi marbuta ma’ proċessi burokratiċi. Fil-fatt jekk ħaddiem ibiddel il-post tax-xogħol, ikollu bżonn permess ġdid. Anki jekk minn kariga jimxi kariga oħra, din tirrikjedi permess ġdid u ma kull permess hemm miżata.
Mill-istħarriġ li għamilna qed jirriżulta ukoll li Identity Malta li l-ħaddiema li jinġabu minn barra, ma’ min ikunu se jintbagħtu jaħdmu irid jiffirmalhom dik li tissejjaħ ‘declaration of posting’.
Li qed jiġri li għal kull nuqqas ta’ dikjarazzjoni u dan anke minħabba nuqqas minn min iħaddimhom għax ma jkunx midħla tal-proċeduri burokratiċi, qed ikollna sitwazzjoni fejn il-ħaddiema jiġu infurmati jitilqu mill-pajjiż. Hemm proċedura ta’ appell imma din tieħu ħafna żmien.
Waqt li jkun għaddej l-appell, il-ħaddiem inkwistjoni mhux suppost jaħdem u dan ifisser li skont kif inhi is-sistema bħalissa, dan irid jagħmel xhur wieqaf bid-domanda li tqum hi kif se jħallas il-kirja ta’ fejn qed joqgħod u kif se jgħix.
Bżonn perjodu biex dawn jirregolarizzaw ruħhom
Sorsi midħla ta’ dan il-qasam u li qed jiffaċċjaw dawn il-problemi, qalulna li hemm bżonn li jkun hemm perjodu fejn dawk il-ħaddiema barranin li spiċċaw jaħdmu b’mod irregolari jingħataw iċ-ċans jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom. “Jekk hemm ħaddiem li spiċċa f’xogħol irregolari minħabba dokument nieqes, dan tagħtih iċ-ċans jirregolarizza ruħu. Nemmen li flok bord ta’ appelli għandu jkun hemm bord ta’ evalwazzjoni, li jevalwa is-sitwazzjonijiet diversi ta’ dawn il-ħaddiema. Minħabba dawn is-sitwazzjonijiet għandna ħaddiema li spiċċaw jaħdmu b’mod irregolari, il-gvern qed jitlef il-flus, waqt li għandek postijiet tax-xogħol li qed jibku għall-ħaddiema”, qalilna l-istess sors.