Wednesday, April 24, 2024

“Irridu nħarsu lejn l-allegat aggressur u naraw għaliex wasal s’hemm”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Legalment ħdimna u saru għadd ta’ liġijiet. Jekk tara l-allokazzjoni baġitarja, issib li fejn tidħol il-Pulizija u t-trattament soċjali, l-allokazzjoni minn sena għal sena, il-gvern dejjem żied il-baġit. Trid tinvesti biex l-istituzzjonijiet ikunu preparati. Trid tħares anki minn kunċett ta’ ġustizzja riparattriċi.  Irridu nħarsu lejn l-allegat aggressur, min għamel ir-reat u naraw u nanalizzaw x’wasslu li jasal sa dan l-istat.” Dan sostnieh il-Ministru għall-Ġustizzja, Edward Zammit Lewis, meta tkellem ma’ Talk.mt dwar il-qtil ta’ Paulina Dembska li seħħ il-Ħadd li għadda.

Omiċidju volontarju iġorr l-akbar piena li hi dik ta’ għomor il-ħabs

Il-Ministru qalilna li “min semma l-femicidju mhux okkurrant mal-liġi. Dan għax il-femiċidju hu qtil b’intenzjon għax hemm mara jew tifla. Mill-banda l-oħra omicidju volontarju jġorr l-itwal piena  possibbli li hu għomor il-ħabs.  Issa jien mhux qed nitkellem u ngħid li hemm biżżejjed.  Ngħid bla tlaqliq li hemm bżonn aktar taħriġ fil-ġudikatura, aktar taħriġ lill-pulizija, aktar taħriġ fl-uffiċċju tal-avukat ġenerali u dan biex jifhmu aktar fejn jirrigwarda qtil li hu fuq il-ġeneru. Illum għandna wkoll kwistjonijiet bħal din il-kontroversja li nqalgħet fl-aħħar jiem dwar kwistjonijiet marbutin ma’ persuni LGBTIQ. Hemm bżonn aktar  aktar sensittività u aktar taħriġ.”

“Bil-libertajiet li daħħalna biddilna t-tessut soċjali…għandna realtajiet ġodda li rridu nkunu lesti għalihom”

Il-Ministru Zammit Lewis enfasizza li “ngħidu x’ngħidu, fl-aħħar snin bil-libertajiet li daħħalna biddilna it-tessut soċjali. Għandna realtajiet quddiemna li rridu nkunu lesti għalihom.  Iridu nkunu lesti għalihom kemm ġudizzjarjament, mill-aspett ta’ infurzar u anke x’niktbu online –  li naraw li nġorru responsabbilità. Ħadd mhu eżenti. Kulħadd irid jadatta ruħu.”

Saħaq li “bħala Gvern se nkomplu nippruvaw li nagħtu id-drittijiet sakemm ma jirfsux id-drittijet ta’ ħaddieħor. Naħseb li fuq livell Ewropew aħna nitqiesu bħala ‘role model’ fejn jidħlu drittijiet għal minoranzi. Dawn ħaqqhom rispett u nhux mibegħda. Dan kollu joħloq sfidi f’oqsma differenti. Il-pieni qegħdin hemm. Però, is-sorveljanza mill-Puliżija, it-taħriġ, u l-investiment irid jibqa’ jsir.

“Dak li seħħ nhar il-Ħadd juri li minkejja dak li sar baqa’ ħafna xi jsir”

Tenna li “dak li seħħ nhar il-Ħadd juri li minkejja dak li għamilna baqa’ ħafna xi jsir.  Sirna firmatarji tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.  Anki fuq dan  fadal xi jsir u se nkomplu nimplimentaw. Dak li seħħ il-Ħadd ma seħħx għax għandna xi qafas leġislattiv dgħajjef. Il-liġijiet u l-pieni huma b’saħħithom. Nemmen imma li rridu naraw dak li seħħ mill-aspett soċjali, anke mil-livell ta’ għaliex l-allegat aggressur wettaq dan.  Irridu nistaqsu għaliex l-aggressur wasal s’hemm. X’inhuma iċ-ċirkostanzi soċjali li wassluh għal dan?. Għaliex dan ma konniex kapaċi nieħdu ħsiebu biżżejjed u wettaq dan l-att? Dan l-aħħar mal-President Emeritus Coleiro Preca, bdejna nagħfsu fuq il-kunċett ta’ ġustizzja restorattiva. Jien ħdimt il-Qorti għal diversi snin u tara hemm li jkun hemm nies li jibqgħu jirrepetu l-istess offiżi. Issa qed naħdmu biex nippruvaw ngħallmu li l-ġustizzja ma teħodhiex bil-Qorti biss imma nitrattaw biex nevitaw li dak li jkun jerġa’ jirrepeti reati li jkun wettaq.”

Sport