Għexieren ta’ nies inqabdu għal sigħat ġewwa ċ-Channel Tunnel wara li ferrovija minn Calais, Franza għal Folkestone f’Kent l-Ingilterra żviluppatilha ħsara. Għadd kbir ta’ passiġġieri tal-Eurotunnel Le Shuttle kellhom jiġu evakwati minn mina ta’ servizz ta’ emerġenza wara li ġew ordnati jabbandunaw il-ferrovija li kienu fuqha.
Eventwalment dawn il-passiġġieri ġew trasferiti għal ferrovija ta’ sostituzzjoni u ttieħdu fit-terminal ta’ Folkestone f’Kent. Is-servizzi tal-Eurotunnel reġgħu lura għan-normal wara li għamlu sigħat sospiżi.
L-inċident ta’ nhar it-Tlieta li għadda filgħaxija beda meta l-allarmi tal-ferrovija ma baqgħux jiffunzjonaw. Kelliem għal Le Shuttle qal li għalkemm inċidenti bħal dawn mhux soltu jiġru madankollu inċidenti simili mhumiex eċċezzjoni.
Bħala miżura ta’ prekawzjoni, għas-sigurtà u l-kumdità tagħhom, il-passiġġieri ġew trasferiti għal shuttle ieħor, permezz tal-mini li huma magħmulin apposta għal każi ta’ emerġenza. Waħda mill-passiġġieri, Sarah Fellows minn Birmingham, iżda qalet lill-aġenzija tal-aħbarijiet PA li l-mina tas-servizz hija tal-biża’.
Żiedet tgħid li l-inċident kien qisu film ta’ xi diżastru billi l-passiġġieri kellhom jibqgħu taħt il-baħar fi kju kbir għal sigħat sħaħ. Kien hemm min beda jibki fil-mina waqt li mara oħra li kienet qed tivvjaġġa waħedha kellha attakk ta’ paniku.
Passiġġier ieħor iddeskrieva s-sitwazzjoni bħala waħda fejn diversi nies kienu qed jibżgħu li qegħdin fil-mina taħt il-baħar fejn damu mwaħħlin hemm isfel għal mill-inqas ħames sigħat.
Passiġġier ieħor li kkuntattja lill-BBC qabel is-17:45, ilmenta minn komunikazzjoni ħażina, bis-sistema tal-avviżi pubbliċi ma taħdimx sew.
Dawk kollha abbord il-ferrovija ġew trasferiti fis-7.20 p.m. ħin tal-Ingliż, f’konformità mal-proċeduri u l-miżuri ta’ sikurezza f’erba’ ferroviji addizzjonali li tpoġġew matul il-lejl minn Calais sa Folkestone biex jindirizzaw l-ammont ta’ passiġġieri li kien fadal.
B’’distanza ta’ 37.9 kilometri, il-mina bejn Folkestone u Calais hija l-itwal waħda taħt il-baħar fid-dinja. Minbarra l-passiġġieri kien hemm ukoll madwar 100 vettura fuq ix-shuttle li waqaf.
Il-kumpanija Le Shuttle qalet li l-passiġġieri kollha qed ikunu kkuntattjati individwalment biex jingħataw kumpens.