Saturday, May 4, 2024

“Milied b’differenza li se jwassalna għal sena aħjar”

Aqra wkoll

Mill-MPE Josianne Cutajar

Il-Milied u l-Festi ta’ din is-sena qed isiru b’differenza. Differenza li laqtet lil kull wieħed u waħda minnha, bla eċċezzjoni. Malli faqqgħet il-pandemija li se tibqa’ sinonoma mas-sena 2020, il-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minnha inbidlet. Daħlu restrizzjonijiet li rabtuna, imma li qegħdin hemm biex iħarsu saħħitna. Imma minn din is-sitwazzjoni ħareġ ukoll il-pożittiv – ħarġu opportunitajiet. Kif telgħu wkoll fil-wiċċ, sitwazzjonijiet oħra li ntefa’ dawl fuqhom u ridna naraw kif nindirizzawhom.

Il-Membru Parlamentari Ewropew Dr Josianne Cutajar għandha ħafna ħsibijiet li tlabniha taqsamhom magħna mhux biss dwar din is-sena li waslet biex tintemm, imma wkoll partikolarment dwar dawn il-jiem li ninsabu fihom.

L-ewwelnett, ħarsa ħafifa lejn dawn ix-xhur li għaddew f’sitwazzjoni miġjuba mill-pandemija …

Bla dubju li din kienet sena mmarkata b’dak kollu impost mill-pandemija. B’mod ġenerali, il-pandemija, jew aħjar ir-restrizzjonijiet li kull pajjiż kellu jdaħħal biex iħares is-saħħa tal-poplu tiegħu, ġabet dik li qed insejħula normalità ġdida għal kull persuna. Kien hemm min ġie affettwat ħafna, kien hemm min baqa’ għaddej bil-ħajja tiegħu, kien hemm min kellu jagħmel pass lura, oħrajn li tilfu, u fuq kollox kellna wkoll il-persuni vulnerabbli li ridna naraw kif nieħdu ħsiebhom aktar minn oħrajn.

Kull pajjiż daħħal il-miżuri tiegħu. Meta nħares lejn pajjiżna, nara kemm il-miżuri li ddaħħlu kienu miżuri li għenu lill-poplu Malti, kemm wiżnuh. Ma kienux biss miżuri marbutin mas-saħħa u l-prevenzjoni tat-teħid tal-vajru, imma ddaħħlu miżuri wkoll finanzjarji li għenu mhux ftit biex diversi setturi ma ntilfux.

Meta nħares lejn is-sitwazzjoni ta’ pajjiżi oħra u nagħmel paragun, nara kemm dak li sar f’pajjiżna kien ferm effettiv u kemm ninsabu aħjar minn pajjiżi oħra ferm akbar minnha. Pajjiżi oħra qed jirrikorru għal azzjonijiet drastiċi. Dan jitfa’ fuqna lkoll responsabbilita’ biex il-passi tajbin li saru nsaħħuhom billi aħna lkoll nibqgħu kawti u responssabli.

Imma mhux kollox dlam. Mill-pandemija ħarġu aspetti pożittivi wkoll. Ħarġet l-importanza ta’ oqsma innovattivi u l-importanza li nkomplu ninvestu fid-diġitaliżazzjoni. Setturi sħaħ baqgħu għaddejjin għax kellhom sistemi li ppermettew li jkomplu bil-ħdima tagħhom b’mod virtwali. Ħaddiema komplew bix-xogħol tagħhom mid-djar tagħhom bl-użu tat-teknoloġija moderna. It-tagħlim lill-istudenti tagħna baqa’ għaddej għaliex il-gvern kien diġa – u qed ikompli – jinvesti fit-teknoloġija mhux biss fl-iskejjel, imma anké mal-istudenti kollha.

Sena b’differenza – imma filwaqt li tajna u nkomplu nagħtu l-appoġġ lil dawk li għandhom bżonn, naraw ukoll li nisfruttaw l-opportunitajiet li ġew ppreżentati permezz ta’ din il-pandemija.

Milied b’differenza – xi jfisser għalik?

Dan il-Milied partikolari jfisser ħafna. Ninsabu lejlet ġrajja li minnha nfisha tgħaqqadna flimkien bħala poplu. Għalhekk f’dan il-Milied partikolari din l-għaqda għandha sinifikat partikolari.

Ningħaqdu bejnietna bħala poplu flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa biex inkomplu nsegwu l-pariri li qed jagħtuna biex inkomplu nħarsu saħħitna u nipprevjenu t-tixrid tal-pandemija.

Inħoss li għandna ningħaqdu flimkien u nieħdu ħsieb lil dawk li huma vulnerabbli u jinsabu waħedhom, naraw li nbegħdu minnhom is-solitudni li tista’ taħkimhom f’dan il-perjodu. Din inħoss li għandna tkun prijorità. Biżżejjed il-pandemija ġabet restrizzjonijiet li fissru l-firda fiżika, allura rridu nnaqqsu din id-distanza, mhux b’mod fiżiku, imma billi nuruhom li aħna qegħdin hemm għalihom. Telefonata, żjara li matulha nirrispettaw id-distanza soċjali, ‘video call’ – ejja nkunu hemm għal xulxin.

Dan il-Milied ifisser ukoll jum biss qabel ma nibdew it-triq lejn in-normalità. Kif ħabbar kemm il-Prim Ministru Robert Abela u wkoll id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa, l-għada tal-Milied se jasal il-vaċċin f’pajjiżna u l-Ħadd se jibdew jitlaqqmu n-nies. B’koinċidenza, l-Ħadd huwa wkoll jum twelidi u għalhekk ma setax ikolli rigal isbaħ minn dan.

Dan il-pass wasal ukoll għaliex il-Gvernijiet tal-Membri Stati tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-istituzzjonijiet Ewropej ħadmu bis-sħiħ u b’mod kollettiv. Minn meta faqqgħet il-pandemija, l-UE investiet xejn anqas minn €459 miljun f’riċerka f’madwar 103 proġetti permezz tal-programm Horizon 2020. Kien hemm ħidma sħiħa għal vaċċin sigur u aċċessibbli.

Għaddiet sena ta’ ħidma fil-Parlament Ewropew u ovvjament hemm sena oħra quddiemek. X’tgħidilna dwar dan?

Kienet sena, li minkejja li ħdimna wkoll b’mod differenti, imma twettaq ħafna xogħol. Inħossni sodisfatta mmens li r-rapport għall-istarteġija tal-SMEs li ħdimt fuqu għal xhur sħaħ bħala n-negozjatriċi f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi, ttieħed b’suċċess il-vot dwaru fl-aħħar sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew. Din hi strateġija mill-aktar kruċjali għall-eluf ta’ negozji madwar l-Ewropa kollha, inkluż mijiet ta’ intrapriżi f’Malta u f’Għawdex. Sodisfazzjon personali ieħor hu l-ħatra tiegħi bħala Chairperson tal-Grupp ta’ Ħidma li jitratta t-Turiżmu, l-Ivjaġġar u l-Mobilità fi ħdan l-SME Connect. Nafu kemm is-setturi tat-turiżmu u l-ivjaġġar huma importanti għal Malta u Għawdex tagħna u nafu kemm ħadu daqqa ta’ ħarta minħabba l-pandemija – u għalhekk irridu nkomplu naħdmu bis-sħiħ biex ngħinuhom.

Ovvjament il-ħidma tiegħi hija mifruxa fuq setturi oħra – fosthom il-qasam diġitali u soċjali li se nkomplu naħdem fuqhom wkoll matul is-sena li ġejja.

Imma apparti l-ħidma diversa fl-Ewropa, huma l-mumenti li qsamt ma’ Maltin u Għawdxin li ġejjin minn toroq differenti tal-ħajja li se nġorr miegħi għas-sena d-dieħla. Il-ħajja hi qasira u matulha lkoll kemm aħna nesperjenzaw il-mewġ tagħha. Ejja nkunu ta’ spalla għal xulxin u fejn naraw persuni li għandhom bzonn l-għajnuna minħabba vizzji jew problemi oħra, inħeġġuhom ifittxuha. 

Min-naħa tiegħi se nkompli nagħmel ħilti kollha, b’kull mod possibbli biex inwettaq dak li qegħdha fil-Parlament Ewropew għalih – li nara li l-ħajja tagħna lkoll, fil-pajjiżi Ewropej u fuq kollox f’Malta u Għawdex, timxi mhux biss ‘l quddiem, imma tkun ukoll l-aqwa u l-aħjar esperjenza tagħna lkoll bħala individwi, bħala komunità, bħala poplu.

Nawguraw lilek u lill-għeżież tiegħek għal dawn il-festi …

Nirreċiproka, filwaqt li nawgura wkoll lill-qarrejja u l-poplu Malti u Għawdxi kollu l-isbaħ xewqat għall-Milied hieni u sena mimlija saħħa u pożittività!

Sport