Wednesday, April 24, 2024

Mill-anqas 60 vittma u aktar minn 140 midrubin fi splużjonijiet fl-Afganistan

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Afgani għatxana għal ħajja aħjar barra l-Afganistan spiċċaw vittmi ta’ attakk teroristiku f’Kabul. Skont uffiċjal tas-saħħa fil-pajjiż jidher li f’dawn iż-żewġ splużjonijiet tilfu ħajjithom aktar minn 60 persuna u ndarbu mill-anqas 140 persuna oħra. L-isplużjonijiet seħħew fiż-żona ta’ Abbey Gate, fejn uffiċjali Amerikani u Ingliżi jinsabu stazzjonati biex jgħinu fil-proċess tal-evakwazzjoni. 

Kemm it-Talibani kif ukoll il-President Amerikan Joe Biden ikkonfermaw l-aħbar li seħħ dan l-attakk. Intant aktar kmieni llum stess xi pajjiżi fosthom ir-Renju Unit u l-Awstralja ħarġu twissija dwar possibilità ta’ attakk terroristiku fl-ajruport ta’ Kabul u appellaw biex barranin jevitaw l-inħawi tal-ajruport. 

L-attakk seħħ ftit sigħat wara li numru ta’ pajjiżi ħabbru li kienu se jwaqqfu l-evakwazzjoni minħabba raġunijiet ta’ sigurtà li fl-aħħar sigħat komplew ipoġġu riskju għal dawk involuti. Fost mexxejja ta’ pajjiżi li ħabbru li se jwaqqfu l-evakwazzjonijiet wara l-isplużjonijiet hemm in-Norveġja. Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin fil-pajjiż Ine Eriksen Soereide qalet li l-ajruport huwa magħluq u għalhekk m’għadux possibbli li jitħallew jidħlu persuni.

Sport