Wednesday, December 25, 2024

“Mill-għada stess Robert sabni spalla ma’ spalla biex mexxejna lil Malta flimkien”

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Il-politika għandha tkun għodda li tkompli tgħaqqadna. Nhar is-Sibt li ġej ikun x’ikun ir-riżultat, għandu mhux jirbaħ l-individwu, mhux jirbaħ biss partit imma għandha tirbaħ Malta kollha. Dan għax aħna kollha Maltin. Jekk tagħtuna l-fiduċja nhar is-Sibt 26 ta’ Marzu, aħna se nagħtu Gvern tal-Maltin kollha. Għax aħna pajjiż tat-tama u mhux tal-biża’. Aħna pajjiż tas-suċċess mhux tal-għira. Aħna pajjiż li nitfgħu ħarsitna ‘l quddiem lejn il-futur u mhux lejn il-passat. Aħna pajjiż tal-għaqda u mhux tal-firda. Malta waħda. Malta magħquda. Malta flimkien.”

Qal dan id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista għall-Affarijiet tal-Parlament Chris Fearne meta kien qed jindirizza mass rally tal-PL fl-MFCC, Ta’ Qali. Huwa qal li l-PL huwa partit magħqud u jekk nhar is-Sibt li ġej il-poplu jagħti fiduċja lil dan il-partit, se jroddu lura pajjiż magħqud, Malta magħquda, Malta flimkien. 

Huwa semma kif mill-għada stess, Robert Abela sabu spalla miegħu biex ħadu deċiżjonijiet flimkien. Id-Deputat Prim Ministru kompla li “Meta nkunu magħqudin, meta niġbdu ħabel wieħed, m’hawn xejn li ma nistgħux nagħmlu,” qal Fearne.”

Huwa wiegħed li jekk il-poplu jagħti l-fiduċja lill-Partit Laburista, mill-għada stess se tibda l-ħidma u jixxamru l-kmiem għall-futur ta’ pajjiżna f’għaqda waħda bħala poplu magħqud.

Fuq nota personali huwa qal li qabel ma daħal fil-Kabinett, għamel 25 sena jaħdem bħala kirurgu tat-tfal. Qal li ta’ kuljum, flimkien ma’ professjonisti oħra kienu jissieltu kontra l-mard u kienu jsalvaw il-ħajjiet tat-tfal. Qal li meta jara l-aħbarijiet u jara omm jew missier tiġbor il-ġisem bla ħajja ta’ bintha mit-trab tal-ħerba fl-Ukrajna, qalbu tingħafas u ma jistax jibqa’ ċass ma jagħmel xejn.

“Għalhekk daqstant kburi b’pajjiżi li fiċ-ċokon tagħna konna wieħed mill-ewwel pajjiżi li bagħatna l-għajnuna medika lill-Ukrajna. Illi ftaħna biebna għall-pazjenti Ukreni biex nagħtuhom il-kura tagħhom f’Malta. Kburi speċjalment li issa tifla ta’ sitt snin li minħabba l-bombi ma setgħetx tieħu l-kura tal-kanċer f’pajjiżha, il-ġimgħa stess kienet fl-isptar Sir Anthony Mamo biex intuha l-kura aħna,” qal Fearne.

Ekonomija

Sport