Mill-inqas 10 persuni mietu wara li magna tal-ossiġnu kkawżat nirien fi sptar privat fil-provinċja ta’ Gaziantep fix-Xlokk tal-pajjiż.
L-inċident seħħ fit-taqsima tal-kura intensiva tal-Covid-19 fl-Isptar tal-Università ta’ Sanko. In-nirien kienu kkaġunati minn magna ta’ terapija li tintuża fit-trattament ta’ pazjenti infettati bil-Covid-19.
Il-vittmi kellhom bejn 56 u 85 sena.
Il-Ministru għas-Saħħa Fahrettin Koca f’kumment fuq twitter qal li 10 persuni mietu fin-nirien, żewġ vittmi aktar mill-istqarrija inizjali tal-isptar.
’Il fuq minn 50 persuna, inkluż tobba, ħaddiema mediċi u uffiċjali tas-sigurtà kienu affettwati min-nirien waqt li kienu qed jipprovaw jittrasferixxu pazjenti minn fuq il-post. Fi stqarrija l-isptar qal li 10 ħaddiema tas-saħħa jinsabu qed jieħdu kura permezz ta’ terapija bl-ossiġnu.