Id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li jpoġġi l-Kummissjoni Maltija tal-Films taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, immexxi mill-Ministru Owen Bonnici, intlaqgħet b’mod pożittiv ħafna mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Industrija tad-Divertiment u l-Arti, l-MEIA.
Il-Kummissjoni Maltija tal-Films kienet taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tat-Turiżmu.L-MEIA ddeskriviet din id-deċiżjoni bħala waħda li timmarka bidla sinifikanti fit-tmexxija tas-settur tal-films f’Malta u fissritha bħala waħda li tippreżenta opportunità biex jinħoloq approċċ aktar koeżiv u unifikat.
L-MEIA qalet illi qed tistenna bil-ħerqa li tahdem mill-qrib mal-Ministru Owen Bonnici hekk kif se jerfa’ din ir-responsabbiltà ġdida. It-tmexxija tal-Ministru Bonnici, qalet l-MEIA, se tkun kruċjali biex jindirizza kwistjonijiet attwali fi ħdan il-Malta Film Commission u jimplimenta r-riformi meħtieġa.
L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Industrija tad-Divertiment u l-Arti qalet illi permezz ta’ djalogu miftuħ u kollaborazzjoni, nistgħu nindirizzaw l-isfidi eżistenti kif ukoll inħarsu għal opportunitajiet biex noħolqu qafas aktar robust, koeżiv u sostenibbli għall-produzzjoni tal-films f’Malta.
Spjegat kif bil-Kummissjoni Maltija tal-Films issa taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali mistennija tnaqqas il-frammentazzjoni fi ħdan is-settur u filwaqt li esprimiet it-tama li trawwem kollaborazzjoni fost l-istakeholders f’dan is-settur.
L-MEIA qalet illi issa qed tistenna aktar titjib fil-governanza tajba, it-trasparenza, il-komunikazzjoni u l-kontabilità fi ħdan il-Malta Film Commission hekk kif dawn l-elementi huma essenzjali biex tinbena fiduċja fi ħdan l-industrija u jiġi żgurat li l-istakeholders kollha jkollhom fiduċja fil-proċessi li jirregolaw il-produzzjoni tal-films f’Malta.
Barra minn hekk, il-MEIA hija ħerqana li tidħol f’diskussjonijiet dwar l-iżvilupp ta’ Politika tal-Iskrin nazzjonali komprensiva. Din il-politika għandha timmira li tistabbilixxi linji gwida ċari li jippromwovu l-ġustizzja u l-ekwità bejn produzzjonijiet domestiċi u internazzjonali.
L-Assocjazzjoni qalet li tinsab ottimista dwar il-futur u ħerqana li tikkontribwixxi l-għarfien u l-kompetenza tagħna għall-iżvilupp kontinwu tagħha.
Il-Kummissjoni tal-Films hija mmexxija mill-Kummissarju Johann Grech u din l-industrija tħalli impatt pozittiv qawwi fuq l-ekonomija Maltija filwaqt li qed toħloq aktar impjiegi ta’ kwalità.