Monday, December 9, 2024

BCRS Malta tniedi kompetizzjoni nazzjonali biex l-istudenti jsemmu l-mascot tagħha

Aqra wkoll

BCRS Malta qed tniedi kompetizzjoni fuq livell nazzjonali fejn qed tistieden lill-istudenti minn madwar Malta u Għawdex biex isemmu l-mascot uffiċjali tal-Iskema Nazzjonali ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb. Din l-inizjattiva kreattiva għandha l-għan li tispira lill-imħuħ żgħażagħ biex jaħsbu u jirreflettu dwar is-sostenibbiltà u jikkontribwixxu għal ambjent aktar nadif u ekoloġiku permezz tar-riċiklaġġ. 

Il-mascot se jservi bħala l-wiċċ tal-Iskema ta’ Rifużjoni tad-Depożiti (DRS), fejn individwi u komunitajiet qed ikun mħeġġa biex iħaddnu r-riċiklaġġ u l-protezzjoni ambjentali. Bl-isem magħżul mill-istudenti, il-maskot se jirrifletti l-enerġija u l-entużjażmu tal-ġenerazzjoni li jmiss.

Il-kompetizzjoni hija miftuħa għall-istudenti kollha tal-iskejjel primarji u sekondarji f’Malta u Għawdex. Il-parteċipanti huma mħeġġa jissottomettu l-ideat tagħhom, fejn iridu jinkludu isem kreattiv u divertenti għall-mascot li jirrifletti l-valuri tar-riċiklaġġ, spjegazzjoni qasira għall-isem magħżul, slogan li jippromwovi r-riċiklaġġ marbut mal-isem tal-mascot, u illustrazzjoni sempliċi u kkulurita tal-mascot.

Is-sottomissjonijiet jistgħu jsiru individwalment permezz ta’ din il-link [https://forms.gle/e7hytqF9hjje4G8c6] jew mill-iskejjel fejn jistgħu jiġbru u jibagħtu s-sottomissjonijiet flimkien bl-email lil [email protected].

Is-sottomissjonijiet se jiġu ġġudikati abbażi tal-kreattività, l-oriġinalità, u kemm jirrappreżentaw tajjeb il-missjoni tad-DRS. Ir-rebbieħa se jintgħażlu mill-kategoriji tal-iskejjel primarji u sekondarji, bl-isem ġenerali rebbieħ jiġi adottat bħala l-isem uffiċjali tal-mascot.

Il-kompetizzjoni tagħlaq fid-19 ta’ Diċembru 2024 u r-rebbieħa se jkunu mħabbra wara.

“Aħna ninsabu ħerqanin biex naraw l-ideat u l-kreattività tal-ġenerazzjoni żagħżugħa tagħna,” qal kelliem għal BCRS Malta. “Din il-kompetizzjoni hi mod divertenti għall-istudenti biex jimpenjaw ruħhom mar-riċiklaġġ u s-sostenibbiltà filwaqt li jħallu l-impatt tagħhom fuq inizjattiva nazzjonali.”

BCRS Malta qed tħeġġeġ lill-iskejjel biex jippromwovu din l-attività fil-klassijiet tagħhom, u b’hekk joffru lill-istudenti ċans biex jippromovu l-ħarsien ambjentali filwaqt li juru t-talenti kreattivi tagħhom. 

Għal aktar dettalji, wieħed jista’ jikkuntattja lill-BCRS Malta fuq [email protected].

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport