Il-Qorti Ċivili, Sezzjoni tal-Familja, laqgħet talba għad-divorzju, wara li ġiet ippreżentata b’rikors u tweġiba mill-partijiet involuti, liema koppja ilha b’separazzjoni de facto mill-2012, propju 44 jum mid-data taż-żwieġ.
F’rikors li nfetaħ mill-mara, ingħad li lura fl-2011, meta l-intimat talabha tiżżewġu beżgħet tgħidlu le minħabba l-karattru possessiv tiegħu. Hija allegat li ftit jiem wara li ngħaqdu fis-sagrament taż-żwieġ, seħħet bidla kbira fl-attitudni ta’ żewġha tant li saħansitra beda jsir aggressiv u anki wasal biex refa’ jdejh fuqha. Sostniet li riżultat ta’ dan kellha titlaq mid-dar matrimonjali u marret tgħix m’ommha.
Hija qalet ukoll li xi żmien qabel iż-żwieġ kienet tinsab f’dipressjoni minħabba li s-sieħeb tagħha kellu xi jgħid ma’ bintha, li kienet tnisslet minn relazzjoni preċedenti, u spiċċat mifruda minnha wara li fl-2009 bintha u s-sieħeb kellhom xi jgħidu u marret tgħix għand in-nanna materna.
Ir-raġel, fir-risposta tiegħu għar-rikors li fetħet martu, ċaħad li b’xi mod seta’ ġiegħel jew sforza lil martu biex tiżżewġu. Żied jgħid li kienet hi stess li għal diversi snin għamlitlu pressjoni qawwija biex jiżżewġu u li hija telqet minn rajha mid-dar matrimonjali.
Huwa qal ukoll li meta sentejn qabel iż-żwieġ ried iwaqqaf ir-relazzjoni, martu kien qabadha paniku kbir u kkonvinċiet lill-familjari tiegħu biex idawwar fehemtu.
Fakkar ukoll li hu u martu kienu ilhom 17-il sena flimkien qabel ma żżewġu u għalhekk argumenta illi kieku martu qed tgħid il-verità, dawn il-karatteristiċi negattivi dwaru kienu joħoġu qabel fid-dieher.
Rigward is-sitwazzjoni tal-bint, li llum il-ġurnata għandha 20 sena, huwa ċaħad li wassalha biex titlaq mid-dar u żied jgħid li kien jistmaha daqslikieku kienet bintu. Huwa kienu ilha jafha sa mill-età tenera ta’ tliet snin, propju fl-istess żmien meta nibtet ir-relazzjoni bejn il-koppja.
Il-Qorti laqgħet it-talba għad-divorzju hekk kif is-separazzjoni uffiċjali bejn iż-żewġ partijiet daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Ġunju li għadda.
Id-digriet ingħata mill-Imħallef Abigail Lofaro.