Monday, May 13, 2024

Mixli li sawwatha bi xkupa u imbuttaha t-taraġ

Aqra wkoll

Raġel li allegatament sawwat lil martu bl-ixkupa u imbuttaha t-taraġ fis-sigħat bikrin tat-Tlieta filgħodu, tressaq fil-Qorti fejn kien mixli b’akkużi dwar vjolenza domestika.

Il-mara kienet ċemplet lill-pulizija fis-7.30 a.m. biex tirrapporta li s-sieħeb tagħha kien ħebb għaliha. Fl-inċident, il-mara ġarrbet ġrieħi ta’ natura gravi filwaqt li l-imputat sofra ġrieħi ħfief.

Ir-raġel kien issejjaħ sabiex imur fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fejn ġie mitkellem mill-pulizija u wara kien arrestat. Huwa tressaq fil-Qorti mixli li kkawża ġrieħi gravi lis-sieħba, li kiser il-paċi pubblika u għamel użu ħażin minn tagħmir ta’ komunikazzjoni elettronika.

Huwa wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu u ngħata l-ħelsien mill-arrest taħt diversi kundizzjonijiet fosthom depożitu ta’ €2,000 u garanzija personali ta’ €10,000.

Il-Maġistrat Charmaine Galea ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetur Omar Zammit. L-Avukati Franco Debono u Francesca Zarb dehru għall-imputat.

Sport