Saturday, May 18, 2024

Tazza tad-Dinja tan-Nisa: L-Ingilterra se jiltaqgħu fil-finali kontra Spanja

Aqra wkoll

Awstralja …….1

Ingilterra …….3

L-Ingilterra għelbu lill- ko-ospitanti, l-Awstralja (flimkien ma’ New Zealand) bl-iskor ta’ 3-1 biex ibbukkjaw posthom fil-finali tat-Tazza tad-Dinja għall-ewwel darba, f’lejla storika f’Sydney. 

Quddiem attendenza ta’ 75,784 spettaturi li 70,000 minnhom kienu Awstraljani, il-Lionesses saru l-ewwel team Ingliż li wasal sal-finali f’kompetizzjoni dinjija mill-1966 meta t-team tal-irġiel kien rebaħ dan l-unur tant prestiġjuż. 

B’hekk, nhar il-Ħadd li ġej, fl-istess ground – dak ta’ Australia Stadium –  l-Ingliżi jilagħbu l-final kontra Spanja. 

F’perjodu ta’  sentejn sen­sazzjonali taħt il-mana­ger, Sarina Wiegman, hekk kif is-sena l-oħra l-Ingilterra, ġew inkurunati champions Ewropej għall-ewwel darba liema tournament intlagħab f’pajjiżhom, kontra l-Awstraljani huma wrew supremazija assoluta biex irreġistraw rebħa me­ri­tata kontra team li kien appoġġat mill-pubbliku tie­għu stess. 

Wara bidu bilanċjat, kien fis-36 minuta l-Ingilterra fetħu l-iskor meta Ella Toone fajret kanunata li ssammret fir-rokna tas-saqaf tax-xibka, bil-goalkeeper, Mackenzie Arnold, lanqas indunat x’għadda minn fuqha!

B’dan il-vantaġġ, il-Lionesses ikkontrollaw l-andament sal-mistrieħ. 

Iżda mal-bidu tat-tieni taqsima, il-Matildas ħarġu fuq l-offensiva biex jiksbu l-goal tad-draw. 

U dan għamluh fit-63 minuta, meta Sam Kerr, li kienet fil-formazzjoni inizjali għall-ewwel darba f’dan it-tournament wara li rkuprat għal kollox minn injury, venvent xutt minn 25 metru bogħod li ma tat l-ebda ċans lil Mary Earps issalva. 

Inkoraġġiti mill-partita­rji tagħhom, l-Awstraljani reġgħu daħlu fil-partita … sakemm fil-71 minuta, Lauren Hemp, xeħtet lil sħabha fil-vantaġġ meta approfittat minn indeċiżjoni ta’ Ellie Carpenter biex immirat lejn ir-rokna tax-xibka.

Ħames minuti mit-tmiem l-Awstraljani fallew ċans tad-deheb li jagħmlu l-iskor indaqs meta minn azzjoni ta’ corner, il-ballun waqa’ f’saqajn Kerr li minn ħames metri bogħod falliet il-mira b’ċentimetri.

U ta’ dan in-nuqqas, hu­ma pattew qares minħabba li ftit sekondi wara, Alessia Russo ssiġillat ir-rebħa b’xutt angolat wara li daħlet fil-kaxxa.  

Sport