“Min jaf min xiex għaddejt, x’ħassejt u x’rajt … għadni lanqas nista’ nemmen li kellek tkun proprju int li tispiċċa maqbud hemm taħt”. Hekk bdiet biex issellem il-memorja tal-mibki JeanPaul Sofia waħda mill-ħbieb tiegħu wara li fl-aħħar sigħat bdiet tinxtered l-aħbar li huwa kien instab mejjet wara kważi 16-il siegħa tfittxija qalb it-tifrik ta’ binja li ċediet fil-Qasam Industrijali ta’ Kordin.
Bosta oħrajn sellmu l-memorja tiegħu bħala ġuvni ċajtier, dħuli, b’qalb tajba u li dejjem jara kif iżomm id-daħka fuq wiċċu.
“Bqajt nittama li dak il ġuvni li kien taħt it-tifrik ma kontx inti Jean… Ma nista qatt nemmen li daqsekk kellimtek u li ġejt f’punt li qed niktiblek dan il-messaġġ”, kompla jgħid messaġġ ieħor.
Filwaqt li rringrazzjawh ta’ kull meta kien hemm għalihom, persuni oħra sostnew li mhuma se jinsew qatt il-memorji li kellhom flimkien.
JeanPaul Sofia ta’ 20 sena mis-Swatar huwa mifhum li lbieraħ daħal fis-sit biex inewwel xi għodda lill-ħaddiema inqas minn 10 minuti wara li ċediet il-binja. Il-pumpiera rnexxielhom joħorġu ħames persuni fi ftit ħin, iżda ż-żagħżugħ baqa’ ma nstabx qabel is-1:45 a.m ta’ dalgħodu u sfortunatament ġie ċertifikat mejjet fuq il-post.