Saturday, December 21, 2024

Mina ġdida fil-Marsa Junction Project biex tiffaċilita l-ivvjaġġar bil-mixi u bir-rota

Aqra wkoll

Infrastructure Malta u l-Bicycle Advocacy Group (BAG) qegħdin jaħdmu flimkien biex itejbu s-sigurtà u l-effiċjenza tal-infrastruttura ġdida għaċ-ċiklisti fi proġetti li qegħdin isiru bħalissa jew li huma ppjanati għaż-żmien li ġej. 

B’riżultat ta’ din il-konsultazzjoni kontinwa, Infrastructure Malta qed iżżid mina (underpass) ġdida fil-Marsa Junction Project, biex tiffaċilita l-ivvjaġġar bil-mixi u bir-rota minn Ħal Tarxien, Raħal Ġdid u Santa Luċija lejn il-Marsa u Ħal Qormi, jew bil-kontra. Il-mina ġdida twila 10 metri se tinfetaħ għaċ-ċiklisti u dawk li jivvjaġġaw bil-mixi sal-aħħar ta’ din is-sena, flimkien ma’ aktar minn kilometru ta’ korsiji għar-roti li Infrastructure Malta qed tibni bħala parti mill-istess proġett.

Il-Marsa Junction Project jinkludi l-bini mill-ġdid tal-aktar junction li tintuża fis-sistema tat-toroq Maltin, tul ir-rotta arterjali prinċipali lejn in-nofsinhar ta’ Malta tan-netwerk Ewropew TEN-T. Minbarra seba’ flyovers ġodda li qed jeliminawit-traffic lights qodma li kien hemm f’din il-junction u li se jnaqqsu l-ħin fl-ivvjaġġar u l-emissjonijiet ikkaġunati mill-konġestjoni tul din ir-rotta, dan l-investiment ta’ €70 miljun kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea se joħloq ukoll bankini ġodda u pontijiet għall-mixi, korsiji u tmien waqfiet għall-karozzi tal-linja, żewġ żoni ta’ park and ride u passaġġi għar-roti mifrudin mit-triq. Dawn il-faċilitajiet se jkunu mdawwrin b’żoni msebbħin bis-siġar, pjanti u xogħlijiet artistiċi għall-pubbliku. 

Bil-korsiji għar-roti maqtugħin għalihom u passaġġi oħrajn għall-mixi u r-roti, dan il-proġett se joħloq rotta sigura għaċ-ċiklisti minn Raħal Ġdid għall-inħawi tal-Marsa Sports Grounds fil-Marsa, u lejn l-inħawi tal-korsa taż-żwiemel u l-venda tal-karozzi tal-linja f’Ħal Qormi. Din ir-rotta se tiġi estiża lejn in-nofsinhar għal Santa Luċija u Ħal Tarxien permezz ta’ 1.8 kilometri oħra ta’ passaġġi għall-mixi u r-roti li Infrastructure Malta qed tiżviluppa permezz ta’ proġetti oħrajn, fosthom dak li tlesta riċentement biex inbniet mill-ġdid Triq Ħal Luqa, f’Santa Luċija (ħdejn il-Ġnien Ċiniż tas-Serenità) u l-proġett taż-żewġ mini li qed jinbnew taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija. 

Waqt laqgħat li saru mat-tim tal-Marsa Junction Project, il-Bicycle Advocacy Group saħaq dwar l-importanza ta’ din ir-rotta bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u l-Marsa u rrimarka li l-pont pedonali li kien ippjanat li jsir fuq waħda mit-toroq ġodda ta’ dan il-proġett mhux mod konvenjenti għaċ-ċiklisti biex jaqsmu minn naħa għall-oħra tat-triq. Wara li kienu riveduti l-pjanti tal-proġett, Infrastructure Malta pproponiet li minflok il-pont issir mina qasira, b’tul ta’ 10 metri u wiesgħa 5 metri, mibnija mingħajr kantunieri li jxekklu l-vista, biex iċ-ċiklisti u dawk li jkunu għaddejjin bil-mixi jkunu jistgħu jużawha bla periklu u bla biża’. Din is-soluzzjoni se tagħmilha possibbli għaċ-ċiklisti li jivvjaġġaw mill-inħawi tal-junction ġdida tal-Marsa tul rotta kontinwa mingħajr ma jkollhom għalfejn jinżlu minn fuq ir-rota biex jirkbu l-liftjiet ħalli jitilgħu fuq il-pont. 

F’kummenti dwar dan l-iżvilupp, Matthew Farrugia, uffiċjal tal-BAG fissru bħala pass inkoraġġanti għaċ-ċiklisti li m’għandhomx għażla oħra ħlief li jgħaddu mill-Marsa. “Wara li nsistejna fuq in-nuqqas ta’ konnettività li kien hemm fid-disinn ta’ qabel, BAG hija sodisfatta li ngħatat widen għal dan it-tħassib u ġew ippreżentati soluzzjonijiet, anke f’dan l-istadju avvanzat tal-proġett. Waqt li tinnota li hemm kwistjonijiet oħrajn żgħar li jeħtieġu attenzjoni, BAG hija kunfidenti li din il-kollaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta se twitti t-triq biex jitjieb l-aċċess għaċ-ċiklisti fi proġetti infrastrutturali oħrajn li se jsiru filwaqt li tippromwovi l-użu tar-rota bħala mezz fattibbli ta’ trasport,”żied jgħid is-Sur Farrugia. 

Min-naħa tiegħu, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, Uffiċjal Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, faħħar lill-periti tal-aġenzija u lir-rappreżentanti tal-BAG għall-mod kif qed jaħdmu flimkien biex jinstabu soluzzjonijiet fattibbli biex tinħoloq infrastruttura aktar sigura għal dawk kollha li jużaw it-toroq, u b’hekk jingħata aktar valur lil dan l-investiment importanti u diversi proġetti oħrajn li qegħdin isiru u li hemm ippjanati.      

“Il-Marsa Junction Project mhux l-uniku proġett fejn introduċejna infrastruttura ġdida għal dawk li jagħżlu modi aktar sostenibbli biex jivvjaġġaw. Ftit tal-ġimgħat ilu, ftaħna korsija għar-roti maqtugħa mit-triq fir-rotta bejn Ħal Qormi u Ħal Luqa permezz tal-proġett ta’ Triq San Tumas u Triq Ħal Qormi. Qegħdin ninvestu wkoll miljuni fi proġetti li huma mmirati speċifikament għal mezzi alternattivi ta’ transport, bħalma huma l-pontijiet għall-mixi u r-roti fi Blata l-Bajda u Kordin, is-subway ġdida għal dawk li jivvjaġġaw bil-mixi jew b’tal-linja ħdejn Bieb il-Bombi fil-Furjana, kif ukoll faċilitajiet fix-xatt ta’ Tas-Sliema u Bormla għal dawk li jużaw is-servizz ta’ transport bil-laneċ. Hemm bżonn li nkomplu nżidu dan l-investiment fis-snin li ġejjin biex niżguraw aktar sostenibbiltà u kwalità ta’ ħajja aħjar,” żied jgħid l-Inġinier Azzopardi. 

Infrastructure Malta se tkompli tikkonsulta mal-BAG u għaqdiet jew organizzazzjonijiet oħrajn interessati biex kontinwament ittejjeb is-sigurtà, is-sostenibbiltà u l-effiċjenza tas-sistema tat-toroq f’Malta u ta’ infrastruttura oħra pubblika. 

Il-Marsa Junction Project huwa kofinanzjat mill-Fond ta’ Koeżjoni u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa tal-Unjoni Ewropea. 

Għal aktar tagħrif u għajnuna, żur www.infrastructuremalta.com u www.bagmalta.org, jew segwi l-paġni ta’ Infrastructure Malta u BAG fuq Facebook jew midja soċjali oħra.

Ekonomija

Sport