Minibus mgħobbija bil-passiġġieri ħabtet ma’ ferrovija tal-merkanzija li kienet wieqfa qrib id-daħla Franċiża tal-Euro Tunnel – il-mina li tgħaqqad mal-Ingilterra u tgħaddi minn taħt il-Kanal Ingliż. B’riżultat ta’ dan l-inċident ndarbu x-xufier tal-minibus u 18-il passiġġier.
Il-Minibus, li kienet qed iġġorr xufiera ta’ trakkijiet li kienu se jużaw servizz ferrovjarju ta’ trasport, ħabtet mal-ferrovija fuq il-pjattaforma tat-tagħbija tat-Tunnel f’Coquelles, qrib Calais, nhar il-Ħamis fis-7.30 ta’ filgħaxija ħin lokali.
Ix-xufier u passiġġier ġarrbu ġrieħi serji u ttieħdu l-isptar permezz ta’ ħelikopter. Uffiċjal lokali stqarr iżda li għalkemm il-ġrieħi li ġarrbu kienu serji, fl-ebda ħin iżda ma kienu ta’ theddida għall-ħajjithom.
It-traffiku tal-merkanzija u dak tal-passiġġieri tal-Eurostar mill-mina ma ġiex interrott, wara waqfa qasira biex jiġu evakwati l-persuni midruba. Infetħet investigazzjoni dwar l-inċident.
Fil-ħin tal-inċident, żewġ ferroviji kienu fuq iż-żewġ naħat tal-pjattaforma. Waħda kienet qed titgħabba b’vetturi tqal tal-merkanzija qabel vjaġġ minn naħa għall-oħra tal-Kanal, filwaqt li ferrovija oħra, li kienet diġà mgħobbija u lesta biex titlaq. Għal raġuni li għadha mhix magħrufa, il-minbus ħabat mal-ferrovija li kienet qed tipprepara biex titlaq.
Din kienet l-ewwel darba li seħħ inċident ta’ dan it-tip fuq pjattaforma tat-tagħbija tal-Euro Tunnel. Ritratti ppubblikati mill-gazzetta lokali Franċiża La Voix du Nord urew vann żgħir, bil-ħsara fuq quddiem u mal-ġenb, wieqaf ħdejn ferrovija, fost folla ta’ ħaddiema tas-servizzi ta’ emerġenza.
F’aġġornament li ħarġet il-Eurostar qalet li kien seħħ inċident diversi kilometri ‘l bogħod mill-Mina tal-Kanal (Channel Tunnel). Żiedet tgħid li dan l-inċident ma involvix u lanqas ma affettwa lill-ferroviji tal-Eurostar li jivvjaġġaw lejn u minn Londra. Il-ferroviji kollha tal-Eurostar baqgħu joperaw kif skedati.
Il-Euro Tunnel jgħaddi minn taħt il-baħar bejn l-Ingilterra u Franza, minn Folkestone f’Kent sa Coquelles fuq in-naħa Franċiża. Permezz ta’ dan it-tunnel joperaw tliet servizzi ferrovjarji differenti; l-Eurostar, ferrovija għall-passiġġieri li tibda minn Londra u tmur lejn diversi destinazzjonijiet Ewropej; ferroviji tal-merkanzija li jittrasportaw oġġetti; u ‘Le Shuttle’, li jittrasporta l-vetturi.




