“Korp modern u motivat li se jibqa’ jkollu r-riżorsi kollha meħtieġa biex jiżgura s-sigurtà fil-pajjiż”

– il-Ministru Glenn Bedingfield

Aqra wkoll

34 kuntistabbli ġodda jingħaqdu mal-Korp tal-Pulizija

34 kuntistabbli ġodda ngħaqdu uffiċjalment mal-Korp tal-Pulizija wara li temmew it-taħriġ tagħhom, waqt il-Passing Out Parade li saret aktar kmieni llum.

Waqt iċ-ċerimonja, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà, Glenn Bedingfield, feraħ lill-kuntistabbli l-ġodda għal dan il-pass importanti fil-karriera tagħhom, filwaqt li saħaq fuq ir-responsabbiltà li issa qed jafdahom biha l-Istat Malti.

“Il-ġurament li għadkom kemm ħadtu huwa ċar ħafna. Qegħdin twiegħdu li taqdu dmirkom skont il-liġi, mingħajr biża’ jew favuri, ġibda jew mibegħda. It-test tal-ġurament huwa sett ta’ prinċipji li għandhom jiggwidawkom kuljum, f’kull deċiżjoni li tieħdu u f’kull sitwazzjoni li ssibu ruħkom fiha,” qal il-Ministru Bedingfield.

Huwa enfasizza li l-fiduċja tal-pubbliku tinkiseb permezz tal-imġiba, l-integrità u s-servizz li jingħata kuljum, u li l-Pulizija jridu jkunu preżenti fejn hemm bżonn u jaġixxu meta jkun meħtieġ. “Għandna fiduċja fikom u issa tridu l-fiduċja tan-nies li sservu. Din il-fiduċja ma tinkisibx bil-kliem biss, iżda bl-imġiba, bl-integrità u bis-servizz li tagħtu,” sostna l-Ministru.

Il-Ministru Bedingfield tenna wkoll l-impenn li jkompli jsir investiment fil-membri tal-Korp tal-Pulizija sabiex dan ikun professjonali, modern u ppreparat biex jindirizza l-isfidi tas-soċjetà tal-lum. “Intom deħlin f’Korp modern u motivat, li se jibqa’ jkollu r-riżorsi kollha meħtieġa biex tibqgħu tiżguraw is-sigurtà fil-pajjiż,” qal il-Ministru.

Huwa temm billi rringrazzja lir-rekluti talli għażlu li jaqdu lil pajjiżhom u awguralhom kull suċċess fil-karriera tagħhom fi ħdan il-Korp tal-Pulizija.

Min-naħa tiegħu, il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, fakkar li dawn il-kuntistabbli qed jiktbu paġna ġdida fl-istorja tal-Korp. “Dan għaliex intom l-ewwel grupp ta’ rekluti li qed tiggradwaw wara li temmejtu kors ta’ sena akkreditat mill-Università ta’ Malta,” qal il-Kummissarju.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport