Ġew iffirmati ftehimiet bejn l-Awtorità tad-Djar, is-Servizzi tas-Saħħa Mentali Nazzjonali u l-Fondazzjoni Richmond għall-kiri u s-sottokiri ta’ maisonette bi tliet kmamar tas-sodda f’Birkirkara, li se tintuża għal servizz residenzjali speċjalizzat għall-adolexxenti.
Din ir-residenza, l-ewwel waħda tat-tip tagħha għall-Fondazzjoni Richmond għal żgħażagħ ta’ bejn it-13 u s-17-il sena, se toffri ambjent terapewtiku u ta’ sostenn għal dawk li jkunu ħarġu minn servizz ta’ kura psikjatrika speċjalizzata. L-għan huwa li jkunu jistgħu jagħmlu t-tranżizzjoni tagħhom lura lejn il-komunità f’ambjent sigur u adattat għall-ħtiġijiet emozzjonali, ta’ żvilupp u kliniċi tagħhom. Il-maisonette se tilqa’ sa erba’ adolexxenti, bl-appoġġ tal-ħaddiema tal-Fondazzjoni Richmond 24 siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Is-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali kienu l-mutur wara dan il-programm, fejn wara li ġie identifikat nuqqas fis-servizzi għall-adolexxenti li jeħtieġu appoġġ speċjalizzat u strutturat li ma jkunx jista’ jingħata permezz tas-servizzi residenzjali tradizzjonali, żviluppaw qafas ta’ politika u mexxew il-ħidma biex dan jissarraf f’servizz konkret, b’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet responsabbli mill-akkomodazzjoni u l-Fondazzjoni Richmond.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg qal li dan is-servizz huwa pass importanti biex tissaħħaħ il-kura tas-saħħa mentali fil-komunità. “Irridu li kull żagħżugħ u żagħżugħa jsibu l-appoġġ li għandhom bżonn f’kull stadju tal-kura tagħhom. Is-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali identifikaw ħtieġa u ħadmu mal-imsieħba tagħna biex inwieġbu għaliha b’servizz maħsub apposta għall-adolexxenti. Permezz tiegħu, se ngħinuhom ikomplu bl-edukazzjoni tagħhom, jipparteċipaw fil-ħajja tal-komunità u jħarsu lejn il-futur b’aktar fiduċja,” qal Ian Borg.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet Owen Bonnici qal li dan il-ftehim jirrifletti l-impenn li nkomplu noħolqu aktar opportunitajiet għal persuni li jeħtieġu appoġġ, b’mod partikolari żgħażagħ li għaddejjin minn sfidi relatati mas-saħħa mentali.
Il-Ministru Bonnici saħaq li l-akkomodazzjoni mhijiex biss saqaf fuq ras persuna, iżda wkoll pass importanti lejn aktar stabbiltà, dinjità u integrazzjoni fil-komunità. “Permezz tal-kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond, qed nagħtu opportunità lil dawn iż-żgħażagħ biex ikomplu l-vjaġġ tagħhom f’ambjent sigur, b’appoġġ adattat għall-ħtiġijiet tagħhom.”
Is-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali se jiffinanzjaw kemm ix-xogħlijiet ta’ tlestija tal-maisonette kif ukoll it-tħaddim tas-servizz u se jkunu responsabbli wkoll għall-valutazzjonijiet kliniċi, il-kriterji tad-dħul, is-superviżjoni kontinwa minn tim multidixxiplinari u l-monitoraġġ tal-kwalità u r-riżultati tal-kura. Dan se jiżgura appoġġ imfassal skont il-ħtiġijiet ta’ kull adolexxenti, filwaqt li l-kura fl-isptar tibqa’ disponibbli kull meta tkun klinikament meħtieġa.
Il-programm jibni fuq kollaborazzjoni eżistenti mal-Fondazzjoni Richmond għal persuni ta’ 18-il sena u ’l fuq. Minbarra l-kura u l-appoġġ ta’ kuljum, is-servizz se jgħinhom jiżviluppaw il-ħiliet meħtieġa għal aktar indipendenza u jippreparaw għall-ħajja adulta.
Permezz ta’ dan il-ftehim, l-Awtorità tad-Djar se tkun qed tissussidja 80% tal-ispiża tal-kirja tal-proprjetà. Filwaqt li s-Servizzi Nazzjonali tas-Saħħa Mentali ser ikunu qed iħallsu l-kirja u s-servizzi mogħtija minn Richmond Foundation.

