Tuesday, December 24, 2024

Mingħajr għajnuna fuq l-enerġija l-inflazzjoni f’Diċembru kienet tilħaq it-12%  

Aqra wkoll

Analiżi li saret għall-gazzetta t-TORĊA tindika li kieku l-Gvern ma żammx stabbli l-kontijiet tad-dawl u l-prezz tal-fjuwil, ir-rata tal-għoli tal-ħajja f’pajjiżna f’Diċembru li għadda kienet kapaċi tilħaq it-12%. 

Skont l-aġenzija tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, kien biss f’pajjiżna li l-prezz tal-elettriku kif ukoll dak tal-petrol u d-diżil baqgħu stabbli fl-aħħar tnax-il xahar. B’kuntrast madwar l-Unjoni Ewropea l-prezz tal-elettriku fi tmiem Diċembru kien 30% ogħla milli kien sena qabel, filwaqt li dak tad-diżil u tal-petrol kien 8% ogħla.  

L-aktar li żdied il-prezz tal-elettriku madwar l-Unjoni Ewropea kien fl-Italja, b’inflazzjoni ta’ 165%. Li jfisser li jekk wieħed kien jirċievi kont ta’ €100 fix-xahar ta’ Diċembru 2021, sena wara l-kont kien sar €265. Dan meta s-sena ta’ qabel kien diġà ra żieda fuq is-sena preċedenti. Min-naħa l-oħra l-prezz tal-fjuwil fl-Italja tela’ b’3% biss sa Diċembru, għalkemm jidher li fix-xhur li ġejjin ser ikun hemm żidiet sostanzjali anke hawn minħabba li jispiċċaw ċertu nċentivi fiskali temporanji.

Il-pajjiż fejn l-aktar żdied il-prezz tal-petrol u diżil fl-aħħar tnax-il xahar kien l-Ungerija b’żieda ta’ 27%. F’dan il-pajjiż il-prezz tal-elettriku żdied ftit anqas mill-medja Ewropea, b’żieda medja ta’ 28%.

Kieku f’pajjiżna l-Gvern adotta politika simili għal dik tal-Gvern Taljan, huwa stmat li r-rata tal-inflazzjoni ta’ Malta kienet tkun 4.3% aktar, li jfisser li tkun 11.6%, jew ftit anqas minn 12%. Dan kien ikun ifisser li l-għoli tal-ħajja kien ikun darba u nofs dak osservat. 

Dan is-suġġett tqajjem ukoll fil-Kumitat għall-Affarijiet tal-Familja tal-Parlament. F’isem il-Malta Employers Association, Joe Farrugia qal li mnalla l-Gvern qed jgħin fil-prezzijiet tal-enerġija. “Il-Gvern qed jissussidja l-enerġija għax kieku żgur illi anki hawn kien ikollna double digit inflation”, qal Farrugia. 

Fl-istess laqgħa tkellem is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union, li wkoll esprima l-istess sentiment. “Kieku l-Gvern ma ntervjeniex u ma assorbiex il-prezzijiet tal-enerġija, tal-fjuwil u taċ-ċereali, il-COLA kienet titla’ għal €23”, qal Josef Bugeja.

B’kuntrast kieku f’pajjiżna kienet adottata politika simili għal tal-Gvern Ungeriż, ir-rata tal-inflazzjoni ta’ pajjiżna kienet taqbeż id-9%, jew kwart aktar milli fil-fatt kienet.

Intant minkejja li kemm il-Gvern Taljan kif ukoll dak Ungeriż qed jagħtu ferm anqas sostenn lill-familji u n-negozji tagħhom f’dawn l-oqsma, l-indikazzjonijiet huma li l-qagħda tal-finanzi pubbliċi tagħhom mistennija tkun agħar minn dik ta’ pajjiżna. Fil-fatt l-aħħar statistika Ewropea tindika li fit-tielet kwart tas-sena li għaddiet id-defiċit tal-Gvern Ungeriż kien ta’ 6.1% waqt li dak tal-Gvern Malti kien ta’ 4.1%. 

L-awsterità mħaddna minn dawn il-Gvernijiet fil-fatt qed twassal għal dgħufija ekonomika tant li ġa fit-tielet kwart tas-sena, l-istatistika tal-Eurostat turi li l-ekonomija Unġeriża bdiet tiċkien, filwaqt li l-ewwel indikazzjonijiet huma li l-ekonomija Taljana bdidet tiċkien fl-aħħar kwart tas-sena. Minflok isaħħu l-finanzi pubbliċi għax qed joħorġu anqas sussidji, dawn il-Gvernijiet qed imorru minn taħt għax ekonomija dgħajfa qed tfisser anqas dħul għalihom.

Bil-kontra ta’ dak li sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni f’diskors lill-Kamra tal-Kummerċ, fejn qal li kulħadd jaqbel li s-sussidji għall-enerġija u l-fjuwil mhumiex sostennibli u hemm bżonn miżuri oħra, jidher li madwar l-Ewropa l-Gvernijiet qed iżidu l-għajnuna. Tant li f’analiżi tal-finanzi pubbliċi magħmula mill-Eurostat u ppublikata fit-23 ta’ Jannar jingħad li “measures to alleviate the impact of high energy prices started to have a stronger impact on the goverment balance in the third quarter of 2022”. Dan jirriżulta mill-fatt li d-defiċit medju madwar l-Unjoni Ewropea tela’ minn 1.8% għal 3.2% fuq medda ta’ tliet xhur biss.  Fost l-akbar żidiet kienet dik osservata fil-Ġermanja fejn il-Gvern beda jimplimenta numru ta’ miżuri ta’ sostenn.

Ekonomija

Sport