Saturday, October 26, 2024

Ministru tat-Tajwan jgħid li t-taħriġ militari Ċiniż huwa parti mill-pjan ta’ invażjoni

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tat-Tajwan qal li ċ-Ċina qiegħda tuża t-taħriġ militari li bdiet wara ż-żjara ta’ Nancy Pelosi bħala parti mill-pjan biex eventwalment tibda l-invażjoni ġewwa din il-gżira. 

Joseph Wu ma ta l-ebda dettalji dwar meta jaħseb li din l-invażjoni se sseħħ, iżda saħaq li t-Tajwan mhux intimidat fit-taħriġ militari li qiegħda tagħmel iċ-Ċina. Iċ-Ċina tqis lit-Taj­wan bħala parti minnha, u fil-passat kemm-il darba qalet li lesta li terġa’ tintegraha anke bl-użu tal-militar. 

Meta Wu kien qiegħed jitkellem f’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa Taipei huwa qal li ċ-Ċina qegħda tipprepara għal invażjoni. Hu saħaq li ċ-Ċina, “qiegħda tagħmel taħriġ militari fuq skala kbira billi tispara missili kif ukoll qiegħda twettaq attakki bl-internet, ixxerred informazzjoni qarrieqa u thedded ekonomikament u dan bil-għan li twaqqa’ l-moral tat-Tajwan.” Il-Ministru tat-Tajwan kompla jgħid li wara li jiġi fi tmiemu dan it-taħriġ, iċ-Ċina tista’ twettaq azzjoni li tkun ta’ theddida għall-istatus quo madwar l-Istrett tat-Tajwan. Wu żied jgħid li dak li qiegħda tagħmel iċ-Ċina huwa turija tal-ambizzjonijiet li għandha Beijing dwar it-Tajwan u lil hinn, u għalhekk huwa ħeġġeġ lill-komunità internazzjonali biex tgħin ħalli ċ-Ċina ma jkollhiex il-kontroll tal-istrett isemmi iktar kmieni. Dan l-istrett huwa wieħed kurċjali hekk kif minnu jgħaddi ammont kbir ta’ kummerċ kuljum. 

Minkejja din it-twissija ta’ Wu, l-Istati Uniti qalet li ma hemm l-ebda indikazzjoni li ċ-Ċina se tkun qiegħda twettaq attakk fuq it-Tajwan fis-sentejn li ġejjin. It-tensjoni f’din il-parti tad-dinja żdiedet ħafna f’dawn l-aħħar jiem wara li l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentati tal-Istati Uniti Nancy Pelosi għażlet li żżur lit-Tajwan u dan minkejja twissijiet miċ-Ċina biex ma tagħmilx hekk. 

Sport