Sunday, May 5, 2024

Żewġ nisa jammettu li mexxew burdell fix-Xlendi

Aqra wkoll

Żewġ nisa kienu kkundannati sentenza sospiża wara li wieġbu ħatja li kienu qed imexxu burdell f’appartament fix-Xlendi, Għawdex. 

Alicia Cortes Gomez ta’ 25 sena minn Spanja u Ely Yezmin Pilares Seminario ta’ 32 sena mill-Peru, kienu mixlija li ħadmu bħala prostituti filwaqt li Seminario waħedha kienet mixlija li serqet u ħebbet għal Gomez.

Il-Qorti semgħet kif minn tfittxija li l-pulizija għamlet fl-appartament kienu nstabu flus kontanti u anke “kwantità kbira ta’ kontraċettivi.” 

Fis-sottomissjonijiet dwar il-piena, l-Avukat Difensur Matthew Xuereb, sostna li għalkemm l-akkużati kienu qed joffru s-servizzi tagħhom bi ħlas, huma kienu meqjusa bħala vittmi vulnerabbli. Barra minn hekk, iż-żewġ akkużati kienu ilhom jgħixu f’Għawdex ftit ġimgħat biss u li kienu se jitilqu mill-pajjiż fil-jiem li ġejjin.

Il-Maġistrat Simone Grech sabithom ħatja tal-akkużi miġjuba kontra tagħhom u mmultat liż-żewġ nisa €200 kull waħda. Gomez kienet ikkundannata sena ħabs sospiża għal sentejn filwaqt li Seminario kienet ikkundannata sena u xahrejn ħabs sospiżi għal sentejn.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Kylie Borg u Josef Gauci. 

Sport