Wednesday, April 24, 2024

Aktar għajnuna mill-Iskola Nazzjonali tal-Isport għal studenti atleti

Aqra wkoll

Ġiet imnedija skema tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport li tagħti appoġġ u għajnuna lil studenti atleti fil-livell post-sekondarju biex dawn ikomplu kemm bl-istudji akkademiċi kif ukoll bit-taħriġ sportiv tagħhom. Din l-iskema hija mħaddma b’kollaborazzjoni bejn l-Iskola Nazzjonali tal-Isport u ħames istituzzjonijiet post-sekondarji, filwaqt li għaddejjin taħdidiet ma’ istituzzjonijiet oħra.

L-iskema hija miftuħa għal studenti li jkunu għadhom kemm temmew l-istudji sekondarji fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport kif ukoll studenti li jiffurmaw parti mit-tim nazzjonali rispettiv tagħhom.

“Huwa dejjem ta’ pjaċir li nkun f’din l-iskola li matul is-snin tat l-aqwa għodda lil numru ta’ studenti li kisbu riżultati importanti kemm fuq livell akkademiku imma wkoll fuq livell sportiv. Meta tara studenti li għaddew minn din l-iskola u issa jgħixu ħajja professjonali barra minn xtutna u jiksbu riżultati kemm personali kif ukoll f’isem il-klabbs li jirrappreżentaw, hija konferma tax-xogħol siewi li jsir fl-Iskola Nazzjonali tal-Isport”, stqarr il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Il-Ministru Grima qal li nħasset il-ħtieġa li s-servizzi offruti f’din l-iskola ma jiqfux fil-livell sekondarju, imma jkomplu għaddejjin. Għaldaqstant kien hemm ħidma konġunta ma’ diversi istituzzjonijiet post-sekondarji li resqu ‘l quddiem b’inizjattivi li jassiguraw li tingħata l-għodda kollha meħtieġa lill-istudenti.

Din l-iskema għandha l-appoġġ tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija (MCAST), Junior College, Giovanni Curmi Higher Secondary, GEM16+, u s-Sixth Form f’Għawdex. Permezz tagħha studenti atleti tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport ikomplu jgawdu mill-għajnuna mogħtija minn din l-iskola b’kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet post-sekondarji msemmija. L-istudenti se jingħataw gwida kif jistgħu jagħmlu dan mill-istituzzjoni li jkunu se japplikaw magħha.

L-iskema taħseb biex filwaqt li jkomplu għaddejjin bl-istudju akkademiku, l-istudenti jkollhom ukoll sessjonijiet ta’ taħrig professjonali fid-dixxiplina sportiva tagħhom.

Il-Kap tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport Robert Magro ta dettalji dwar l-iskema u qal li din hija intiża biex tkompli tagħti għajnuna lil studenti ta’ 16-il sena u aktar.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Edukazzjoni Matthew Vella qal li “Fil-qalb ta’ din l-iskema hemm l-interess tal-istudenti, li huma appoġġjati permezz ta’ djalogu, kollaborazzjoni, u koordinazzjoni ma’ dawk kollha involuti.”

Preżenti wkoll kien hemm Paul Xuereb, Prinċipal tal-Junior College, u Alison Scicluna, Deputat Direttur tal-Istitut tas-Servizzi tal-Komunità tal-MCAST.

Sport