Wednesday, July 24, 2024

Minkejja l-Covid-19, id-domanda għat-tonn għadha hemm

Aqra wkoll

Miktub Minn Maria Azzopardi, Filmat u ritratti ALAN SALIBA

YouTube video

Ix-xogħol tas-sajjied huwa meqjus bħala wieħed essenzjali minħabba l-proviżjoni tal-ikel. Minkejja l-imxija tal-Covid-19 ħalliet effett anke fuq l-esportazzjoni u d-domanda tat-tonn, xorta waħda qed isir xogħol siewi biex kemm jista’ jkun il-qalb tas-sajjied lokali tibqa’ b’saħħitha. Dan is-sit assista għal parti mill-proċess fejn it-tonn jiġi mnaddaf qabel jiġi esportat u staqsa lil Graziella minn Azzopardi Fisheries dwar id-domanda tat-tonn u s-sitwazzjoni preżenti. Hija qalet li l-prodott lokali huwa mfittex ħafna kemm barra minn Malta kif ukoll lokalment.

Hija spjegat li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 ħalliet impatt fuq it-trasport tat-tonn fejn dan ġie jiswa  saħansitra €5 għal kull kilo. “Fejn qabel kont tesporta tlieta jew erba’ darbiet f’ġimgħa, din niżlet għal darba. Bħalma ġara f’Malta, barra minn xtutna ngħalqu ħafna stabilimenti u apparti minn hekk hemm il-problema tat-trasport tal-ajru fejn l-ajruporti huma magħluqin. Minħabba f’hekk trid tara xi triq oħra se ssib biex ikun hemm konnessjoni ma’ ajruport ieħor biex b’hekk tibgħat il-ħut u jasal fi żmien li dan jibqa’ frisk. Jekk se jagħmel jumejn hemmhekk, f’dak il-każ jaqbillek ma tibgħat xejn,” qalet Graziella.

Il-propjetarju ta’ Azzopardi Fisheries, Anthony Azzopardi, fakkar kif l-esportazzjoni tat-tonn lejn il-Ġappun beda mis-sena 1987 fejn kollox beda minn kampjun u minn hemmhekk il-prodott beda jingħata l-valur tiegħu anke barra minn Malta. Huwa qal li minkejja l-qtigħ ta’ qalb preżenti, l-industrija tas-sajd xorta waħda għadha għaddejja u enfasizza l-importanza biex is-sajjied lokali u dawk is-sajjieda żgħar jibqgħu jiġu inċentivati u jkollhom l-għajnuna għax jekk “noqtlu” s-sajjied lokali nkunu tlifna wirt kbir. Preżenti għal dan il-proċess kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura (FMAP), Charlon Gouder.

Ekonomija

Sport